“Il-każ tal-membru tal-bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar qed ikompli jqajjem aktar mistoqsijiet – għalhekk nemmen li mhux biss għandha ssir investigazzjoni dwar min u għalfejn iddeċieda li jġib lil din il-persuna lura minn Sqallija, iżda għandha tinfetaħ dwar kemm l-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tonfoq fuq pjanar u kemm fuq vjaġġar”, stqarr dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt telefonata fuq l-istazzjon tar-radju NET FM.
Adrian Delia tkellem dwar il-każ tal-membru tal-bord Jacqueline Gili li dakinhar tal-vot dwar l-iżvilupp fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li la darba kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u anke l-Ministru Ian Borg qalu li ma jaqblux ma dak li seħħ, u s-CEO tal-Awtorita’ tal-Ippjanar Johann Buttigieg ammetta li hu ħa din id-deċiżjoni – kif s’issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni? Kien hawnhekk li Adrian Delia insista li għandha ssir investigazzjoni wiesgħa dwar dak li seħħ. Spjega li dak li seħħ jikxef il-Gvern japponta lill-persuni f’dawn il-bordijiet tal-awtoritajiet biex iservu bħala l-id it-twila tiegħu.
Fl-istess telefonata, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ġie mistoqsi dwar il-proċeduri fil-Qorti u t-talba tiegħu biex ikollu f’idejh ir-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja – u kif sal-lum l-Avukat Ġenerali għadu jipprova jxekkel milli l-Oppożizzjoni jkollha kopja tagħha.
Adrian Delia stqarr li għal din il-kawża li fetaħ fil-Qorti ħarġet ksur tal-kodiċi tal-etika minn naħa tal-Ministru Owen Bonnici. Dan hekk kif l-Avukat Ġenerali fuq il-pedana tax-xhud u taħt ġurament qal li hu ta kopja lill-Prim Ministru stess għax hu kien taħt inkjesta, pero wkoll ta kopja sħiħa lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici għaliex hu l-avukat personali ta’ Joseph Muscat – stqarrija li hi kontradittorja, hekk kif Ministru mhux sippost ikollu xogħol ieħor ħlief dak ta’ Ministru. Adrian Delia żied li minkejja li hu talab formalment biex jingħata kopja, l-Avukat Ġenerali baqa’ ma tahx ir-rapport sħiħ. Dan jikkuntrasta ma’ dak li seħħ ma’ Owen Bonnici meta ingħata kopja tar-rapport b’email u mingħajr ma saret ebda talba formali. Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li dawn l-affarijiet ma jiġrux f’pajjiż normali.
Mistoqsi dwar it-trasport b’xejn lit-tfal tal-iskola, Adrian Delia stqarr li l-Partit Nazzjonalista jaqbel ma’ din l-iskema. Iżda qal li f’dak li seħħ matul din l-ewwel ġimgħa tas-servizz tat-trasport b’xejn, ħareġ biċ-ċar kif il-Gvern hu bla pjan. Kien hawnhekk li staqsa kif il-ġenituri jistgħu jeħlu għan-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Gvern. Spjega kif qabel kien hemm ġenituri li kienu jħallsu u jinqdew, iżda issa lanqas li kieku jridu jħallsu – m’hemmx spazzju għall-uliedhom.
//= $special ?>