Lokali

Awtur jiddikjara li l-Libja ma kinitx involvuta fil-każ ta’ Lockerbie

Id-dinja ġiet imġiegħla temmen gidba mostruża dwar l-attakk terroristiku tal-1988 fuq Lockerbie, meta ajruplan mimli passiġġieri sploda fl-ajru. Jiddikjara dan awtur li ilu snin jinvestiga dan il-każ, u li issa qed jiddikjara li l-Libja ma kellha x’taqsam xejn.

Il-każ kien seħħ ftit jiem qabel il-Milied tal-1988, b’iktar minn nofs il-passiġġieri, 137, li kienu persuna taħt it-30 sena u ħafna minnhom studenti li kienu xtraw il-biljetti b’irħis biex jimtela’ l-ajruplan. Dan warali ħafna kienu kkanċellaw minħabba biża’ kawża ta’ theddida terroristiku.

Din it-traġedja ħasdet ħajjet 259 persuna, kif ukoll 11 oħra li ma kinux abbord iżda mietu meta l-fdalijiet tal-ajruplan niżlu f’Lockerie, l-Iskozja.

11-il sena wara, uffiċjal tas-sigurtà tal-Libyan Arab Airlines, Abdelbaset al-Megrahi kien ittimbrat bħala s-suspettat ewlieni wara li sid ta’ ħanut f’Malta kien iddikjara li jiftakru jixtri ħwejjeġ simili għal dawk li aktarx kienu fil-bagalja li kien fiha l-isplussiv.

Din ix-xhieda kienet korroborata minn kollaboratur tas-CIA fil-Libja, Abdul Majid Giaka, li xehed li ra lil al-Megrahi jiġbor bagalja kannella mis-sala tal-wasliet fl-ajruport ta’ Ħal Luqa, lejliet l-isplużjoni.

L-istess bagalja, li ma kinitx akkumpanja, allegatament kienet ittellgħet abbord titjira lejn Frankfurt u minn hemm għal fuq it-titjira fil-mira tal-attakk. 11-il sena wara dawn id-dikjarazzjonijiet, al-Megrahi ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Iżda issa Douglas Boyd, fi ktieb bl-isem Lockerbie: The Truth, joħloq dubji dwar dan il-każ. Jiddikjara li wara snin ta’ investigazzjonijiet sab ftit li xejn provi kontra al-Megrahi, u li l-istejjer li ddominaw l-aħbarijiet matul dawn is-snin kienu biss sensiela ta’ gidbiet.

Jagħmel akkużi serji li al-Megrahi hu biss vittma ta’ over-up orkestrata mill-ogħla livelli f’Londra u Washington, u li l-persuna li verament ippjana u wettaq dan l-attakk għadu ħaj u jgħix f’Washington iżda taħt programm ta’ protezzjoni offrut mill-Istati Uniti lix-xhieda.

L-istess awtur jiddikjara li l-Libjan weħel intortament b’dan l-attakk, tant li matul is-snin li segwew bdew jitqanqlu diversi dubji dwar ix-xhieda f’dan il-każ, b’uħud jammettu li gidbu jew jinstab li kienu kundizzjonati. Eventwalment al-Megrahi nħeles fl-2009 fuq raġunijiet ta’ saħħa.

L-awtur jiddikjara li l-ħelsien tiegħu kellu raġuni oħra, li l-avukati tal-akkużat ried jippubblikaw mijiet ta’ dokumenti tal-investigazzjoni li jwasslu biex jitfgħu dell fuq l-Iran u l-People’s Front for the Liberation of Palestine – General Command u mhux al-Megrahi u l-Libja.

Fil-ktieb tiegħu, Boyd jikteb li s-suspettat hu l-misterjuż Abu Elias, li hu maħsub li kien il-bniedem li poġġa l-bagalja abbord it-titjira u li hu maħsub li għadu ħaj. Hu kien issemma’ fil-Parlament Skoċċiż lura fl-2009 u jingħad li jgħix f’Washington, fejn bidel ismu u llum hu magħruf bħala Basel Bushnaq.