Eks suldat fl-armata tal-eks mexxej tal-Libja Muammar Gaddafi inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess ta’ sikkina kbira mingħajr liċenzja.
Mohammed Abdalla Eljemni, Libjan ta’ 31 sena, kien arrestat f’Paceville wara li qala’ l-inkwiet fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville, fejn ipprova jattakka wkoll lil uffiċjal tas-sigurtà.
Id-difiża ta’ Eljemni, akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, tiddikjara li Eljemni kien fil-pussess tas-sikkina għax sabha barra.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-libertà proviżorja hekk kif għad fadal xi xhieda x’jitressqu kif ukoll għaliex argumentat li bħala eks suldat hu mħarreġ sew kif juża armi simili u allura jpoġġi periklu għas-soċjetà.
Dan qajjem ilmenti mid-difiża, bl-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo jirrimarka li dan ma jfissirx neċessarjament li sejjer joqtol jew jattakka lil xi ħadd għax hu mħarreġ.
Minkejja dan, il-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li l–akkużat jibqa’ arrestat.
//= $special ?>