l-Korea ta’ Fuq għad għandha l-kapaċità biex twettaq attakki sorpriża bil-missili ballistiċi interkontinentali, minkejja li l-awtoritajiet komunisti żarmaw is-sit ewlieni f’Tongchang-ri li kien qed jintuża għall-provi.
L-esperti li ħarġu bit-twissija qalu li l-Istat komunista, issa, jista’ jiddependi fuq ‘is-sistemi, jew launch-pads, mobbli’ u meta l-kapaċità missilistika tiegħu qed tidher ‘valida daqs qatt qabel’.
Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, jiem ilu, kien sostna, fi New York, li l-impenn tal-Korea ta’ Fuq biex teqred is-sit ta’ Tongchang-ri għandu jfisser li r-reġim ta’ Pyongyang mgħandux ikompli ‘jipprovoka’ bil-missili u l-armi nukleari.
Madankollu, ħafna esperti ma jaqblux mat-teorija u jemmnu li l-Korea komunista għandha ‘l-alternattivi’ f’każ li tiddeċiedi għal xi azzjoni li tinvolvi l-missili.
Is-sit ta’ Tongchang-ri intuża biss għall-isparar tar-rokits għal fuq id-distanzi twal u li setgħu jkunu konvertiti f’missili ballistiċi interkontinentali – jew ICBMs.
Iżda l-aħħar ICBMs u l-missila Hwasong-14 (tal-Korea ta’ Fuq) li s-sena l-oħra kienu allarmaw lill-Istati Uniti kienu pruvati minn vettura mobbli; bl-azzjonijiet jindikaw li l-Koreani komunisti ‘ma kellhomx aktar bżonn tas-sit ta’ Tongchang-ri’.
Membri tal-Korea Defense and Security Forum, issa, qed jgħidu li ‘il-Korea ta’ Fuq ma tidhirx li tilfet il-kapaċità biex ittella l-missili ballistiċi interkontinentali, meta hi qatt ma wiegħdet li se żżarma l-launch pads mobbli għall-missili Hwasong’.
Hi wkoll sinifikanti t-twissija tal-Ministru tal-Korea ta’ Fuq għall-Affarijiet Barranin li qal li ‘mhemm l-ebda mod’ li pajjiżu għandu jwettaq proċess ta’ diżarm waqt li l-Istati Uniti tkompli tinforza s-sanzjonijiet għal pajjiżu. Ri Yong-ho informa lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li s-sanzjonijiet ‘qed ikomplu jnaqqsu mill-fiduċja tal-Korea ta’ Fuq fl-Amerikani’, meta r-reġim fi Pyongyang qed ikollu l-appoġġ, f’din is-sitwazzjoni, min-naħa taċ-Ċina u r-Russja.
Sadanittant, l-Istati Uniti qed tinsisti li s-sanzjonijiet għandhom jibqgħu f’posthom sakemm il-Korea ta’ Fuq twettaq proċess ta’ denuklearizzazzjoni.
//= $special ?>

