Kunflitt bejn il-Prim Ministru Muscat u l-Ministru Ian Borg li taħtu taqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar
It-tgħaffiġa ‘Jacqueline Gili’ bħala membru fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-mod kif iċ-Chairman Eżekuttiv, Johann Buttigieg, qiegħed jipprova joħroġ minn din il-gaff ħoxna qed ikomplu jikkargaw il-kunflitt bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Super Minister Ian Borg.
Filwaqt li s-Super Minister Ian Borg irid li jtajjar lil Johann Buttigieg mir-rwol tiegħu fl-Awtorità tal-Ippjanar, tal-aħħar qiegħed isib joħroġ għonqu għalih lill-Prim Ministru Joseph Muscat li kien hu li waqqaf lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Dwar Johann Buttigieg, li uffiċjalment u fid-deher igawdi salarju favoluż ta’ €83,324 fis-sena, hu sigriet magħruf li Joseph Muscat u Ian Borg ma jarawx għajn m’għajn. Filwaqt li Ian Borg jemmen li dan għandu jitwarrab – u għal numru ta’ raġunijiet – minn dan ir-rwol li jokkupa, għal xi raġuni l-Prim Ministru u terzi fil-Kitchen Cabinett tiegħu, jibqgħu jinsistu li Johann Buttigieg għandu jinżamm fil-Portafoll li jinsab fih.
Hu stat ta’ fatt li Johann Buttigieg hu qrib ħafna ta’ ċerti persuni f’Kastilja tant li hu fdat qatigħ minnhom. Lil hinn mis-salarju goff li jdabbar kull sena, l-istess Johann Buttigieg igawdi wkoll minn €7,000 oħra bħala allowance għall-karozza, xufier, ħlas għall-fjuwil, service għall-karozza, ħlas għall-ispejjeż kollha taċ-ċellulari u allowance ieħor ta’ €600 għat-telefon u l-internet. Barra minn hekk, igawdi wkoll minn ħlas ta’ sħubija f’organizzazzjoni professjonali.
Hu jgawdi wkoll minn performance bonus ta’ 15 fil-mija li allura jkompli jkollu dħul akbar milli uffiċjalment għandu.
Iċ-Chairman Eżekuttiv Johann Buttigieg, issa taħt il-lenti wisq aktar minn qatt qabel wara li ddeċieda li jibgħat ajruplan privat biex iġib Malta lil Jacqueline Gili, issa qed jipprova joħroġ mill-kobba mħabbla li daħal fiha.
Hu stat ta’ fatt li kollegi ta’ Johann Buttigieg jitkellmu dwar sensiela ta’ sitwazzjonijiet fl-Awtorità tal-Ippjanar li jwasslu messaġġi żbaljati.
Fost l-oħrajn kif fuq l-istess Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar hemm sensar maħtur mill-Prim Ministru li żgur li jġor miegħu kunflitt qawwi ta’ interess.
Meta kollegi ta’ Johann Buttigieg jitkellmu b’mod kunfidenzjali u bil-magħluq jallegaw li s-sitwazzjoni fl-Awtorità tindika li hemm ħafna abbużi, ħafna ġenn, ħafna tgħaffiġ u skont l-uċuħ jittieħdu ċerti deċiżjonijiet.
L-istess kollegi ta’ Johann Buttigieg jistaqsu kif l-istess Johann Buttigieg issa jippretendi li jitlob skuża u kollox jaqa’ fuq ommu. Jistaqsu wkoll kf Johann Buttigieg jgħid li ma jerġax jagħmel l-iżball li għamel għaliex il-politiċi jikkunsidraw dawk li għamel bħala żball kbir. “Mela Johann Buttigieg imexxi skont kif jaħsbuha l-politiċi?”
Kollegi ta’ Johann Buttigieg itemmu josservaw kif l-Awtorità tal-Ippjanar saret mostru li jaġevola l-interessi ta’ ċerti imprendituri kbar li jagħmlu ċerti żviluppi, iżda mbagħad timponi l-multi u tuża l-ponn tal-ħadid maż-żgħir li jkun irid jagħmlu ċertu xogħlijiet f’daru jew għall-familja tiegħu.
Dan kollu, kemm il-Prim Ministru Muscat kif ukoll is-Super Minister Ian Borg jafu bih. Din is-sitwazzjoni ta’ Awtorità bażwija li ħafna qed jirrealizza issa li ħoloq il-Prim Ministru Muscat, ikompli jkabbar u jħarrax il-kunflitt bejn Muscat u Ian Borg.
//= $special ?>