Internazzjonali

Theresa May tinsisti li se tagħmel suċċess mill-Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ċaħdet għall-allegazzjonijiet li ‘hi, fil-verità, ma temminx fil-Brexit’, meta pajjiżha, ftit xhur oħra, għandu jispiċċa bħala Stat membru tal-Unjoni Ewropea. Sadanittant, May qalet, waqt li kienet qed tidher fuq il-programm tal-BBC ‘The Andrew Marr Show’, li hi ‘se tagħmel suċċess mill-proċess ( tal-Brexit) irrispettivament minn kif jiżvolġu t-taħditiet ta’ Londra ma’ Brussell’.

Theresa May għadha tinsisti li l-pjan tagħha għall-kummerċ mal-UE ( wara l-Brexit) għadu ‘attiv’ minkejja l-pjan ma ntlaqax mill-pajjiżi tal-Unjoni. Intant, hi ħeġġet lill-membri tal-Partit Konservattiv fil-Gvern – li kien għaddej bil-konferenza annwali f’Birmingham – biex ‘jingħaqdu flimkien’ u jappoġġjaw strateġija sinifikanti għall-futur tar-Renju Unit.

Sadanittant, l-eks-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, fisser dan il-pjan ta’ May bħala ‘wieħed li ma jagħmilx sens’ u anki ssuġġerixxa li ‘hu ikun jista’ jasal għal ftehim aħjar ( ma’ Brussell) minn tagħha’.

Johnson, li kien qed jagħti intervista lis-Sunday Times ta’ Londra, qal li ‘hu kien stinka għall-Brexit u jemmen li dak li qed iseħħ illum mhux dak li l-Britanniċi kienu mwiegħda fl-2016’. Fl-istess ħin, hu tkellem dwar numru ta’ ideat dwar il-politika domestika u li fost oħrajn kienu jinkludu pjan biex jinbena pont bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda.

Min-naħa tagħha, May iddefendiet il-pożizzjoni tagħha u insistiet li hi temmen fil-Brexit li tridu jiżvolġi ‘b’mod li jirrispetta l-vot tar-referendum ( tal-2016) filwaqt li jipproteġi u jiggarantixxi s-suċċess futur tar-Renju Unit u l-ħaddiema Britanniċi.’