Daniel Micallef ħeġġeġ lill-Gvern biex jevita tali sitwazzjonijiet mill-aktar imbarazzanti
Esponenti tal-Partit Laburista, fosthom Daniel Micallef u Randolph De Battista, fil-jiem li għaddew kienu kritiċi ħafna tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat wara li ħarġet fil-beraħ l-aħbar tal-ajruplan privat mibgħut Sqallija biex iġib lejn Malta minn vaganza lil Jacqueline Gili li hi membru fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar tramite r-rwol tagħha fid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Fil-programm tiegħu f’nofs din il-ġimgħa fuq l-istazzjon ‘One’, Daniel Micallef esprima r-rabja tiegħu għall-Gvern għal tali deċiżjonijiet ħżiena u żbaljati u qal li tali deċiżjonijiet ma jistgħux jibqgħu għaddejjin mingħajr ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà tagħhom u mingħajr ħadd ma jħallas għall-abbużi li jkun għamel.
Hu qal li kien jinsab irrabjat ħafna għal tali abbużi/żbalji u ħeġġeġ lill-Gvern biex jevita tali sitwazzjonijiet mill-aktar imbarazzanti.
F’reazzjoni għal dak li qal Daniel Micallef, bosta kienu s-semmiegħa li esprimew ir-rabja u d-dieqa tagħhom għal din is-sensiela ta’ abbużi li saret l-ordni tal-ġurnata taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-eks-Assistent Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Gejtu Mercieca, kiteb: “Apparti dan, il-Gvern għandu jara kif jintefqu l-flus tal-poplu. Konna niskandalizzaw irwieħna għax Ministru juża ajruplan privat. Kemm hu skandlu akbar li ġġib membru tal-bord u nħallsu aħna għaliha.”
Randolph De Battista kiteb: “Kemm hu importanti li nsiru verżjoni aħjar tagħna nfusna. Biex inżommu t-tajjeb u nbiddlu l-ħażin. Biex ħadd ma jieħu lill-Partit forgranted.”
Ir-rilevanza ta’ dawn il-kummenti tkompli tikber fl-importanza tagħha hekk kif nhar il-Ġimgħa li għadda l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar injorat eluf ta’ oġġezzjonijiet mingħand ir-residenti u l-komunità tal-madwar meta approvat il-proġett kontroversjali tat-torrijiet fil-bajja ta’ Pembroke.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li “bħal għadd kbir ta’ ċittadini oħra, għadha maħsuda” b’din id-deċiżjoni u ppreżentat numru ta’ mistoqsijiet fosthom dwar jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tonora l-missjoni tagħha, dik li “taġixxi f’isem il-komunità biex tipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli”.
//= $special ?>