Edukazzjoni Lokali

Awgurju li fl-edukazzjoni ogħla niksbu ferm aktar – Clyde Puli

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-istudenti li llum u fil-ġranet li għaddew bdew sena akkademika ġdida fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli irringrazja wkoll lill-għalliema kollha u lill-ġenituri li tant jinvestu fl-istudenti tul snin sħaħ biex jiksbu edukazzjoni għolja li hi l-garanzija biex huma u pajjiżna javanzaw kif jixirqilhom.

“Pajjiżna għandu sfida importanti f’dan il-qasam: li jinqala’ mill-aħħar fl-Ewropa għall-ammont ta’ studenti li ma jagħmlu l-ebda kisba edukattiva jew ta’ taħriġ fl-etajiet bejn 18 u 24[1]. Dan minkejja li l-Gvern Laburista ilu għall-aħħar sitt snin iwiegħed li f’Malta nkunu l-aqwa fl-Ewropa.”

Il-PN qal illi fattur li qed iwassal lil Malta biex tkun l-aħħar fl-Ewropa f’dan il-kejl edukattiv importanti hu l-fatt li nofs l-istudenti ta’ 16 ma jġibux is-Sec u 70 fil-mija tal-istudenti ta’ 18 ma jġibux il-Matsec.

“Pajjiżna jeħtieġ li jaħseb bis-serjetà biex ħafna aktar studenti fl-etajiet kruċjali ta’ 16 u 18 ikollhom f’idejhom iċ-ċavetta li tiftħilhom il-bibien tal-edukazzjoni ogħla. Dan ikun ifisser li l-pajjiż jinvesti f’dawn l-istudenti ħalli jkollhom il-ħiliet tal-futur biex ikun jista’ jkollhom il-potenzjal u d-dħul għoli li pajjiżna jixraqlu.”