Bournemouth kisbu r-raba’ rebħa fil-kampjonat b’rebħa f’darhom ta’ 2-1 kontra Crystal Palace. Dan kien l-aqwa bidu taċ-Cherries fir-raba’ staġun tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol fl-Ingilterra. Jekk Bournemouth għandhom 13-il punt minn seba’ logħbiet, Crystal Palace baqgħu b’seba’ punti fit-13-il post u issa ilhom tliet logħbiet mingħajr rebħa.
Bournemouth kellhom bidu mill-aqwa meta fetħu l-iskor wara ħames minuti, b’Callum Wilson iqassam mill-kaxxa lejn David Brooks li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Wayne Hennessey, bix-xutt b’saħħtu jaħbat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka.
Crystal Palace ġabu d-draw fil-55 minuta hekk kif Patrick van Aanholt irċieva ballun fuq il-linja xellugija, ġibed għan-nofs u għeleb lil Asmir Begovic b’xutt fis-saqaf tax-xibka fuq l-ewwel lasta.
It-tim ta’ Eddie Howe skorja l-gowl tar-rebħa fis-87 minuta meta r-referee Mike Dean ordna penalty għal fawl fuq Jefferson Lerma. Mill-11-il metru Junior Stanislav għeleb lil Hennessey wara li bagħtu n-naħa l-oħra tal-ballun b’xutt ċentrali.
//= $special ?>