€236,093 kienet is-somma finali miġbura fil-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Soċjetà li jimpurtaha’, maratona li saret l-għada li NET Television fakkar l-20 anniversarju b’NET Honours u lejliet il-bidu ta’ skeda ġdida.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li f’pajjiżna għandna diversi persuni, minn oqsma differenti tas-soċjetà li għaddejjin minn diversi sfidi ‘lil hinn mill-għajn tal-midja jew tal-kumplament tal-poplu. Minkejja dan il-Partit Nazzjonalista jrid jirrappreżenta wkoll u jaqbeż għal dawn il-persuni.
Dan filwaqt li l-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista li tkellmu dwar sfidi li qed jaffaċċja l-poplu Malti u l-bżonn ta’ dawn il-fondi biex il-Partit Nazzjonalista jkun b’saħħtu biex jirrappreżenta lill-poplu.
Robert Arrigo tkellem dwar l-isfida tal-Air Malta, b’dewmien u titjiriet jitħassru liema sitwazzjoni qed tħalli impatt fuq il-poplu.
“Ilna ħamsa jew sitt xhur b’ajruplani li jiġu tard jew titjiriet li jitħassru, b’inkonvenjent għal ħafna nies. Nixtieq inkun naf l-ammont fi flus li tħallsu bħala kumpens u l-feedback li l-Air Malta kellha, sfortunatament. Min hu responsabbli llum għandu jerfa’ l-piż tar-responsabbiltà,” iddikjara Robert Arrigo.
Min-naħa tiegħu l-Viċi Kap David Agius tkellem dwar sfida oħra, dik tas-serq mill-Gvern tad-dawl u l-ilma.
“Issib min ġie misruq minn €30 sa saħansitra €600. Hawn tirrealizza li mhux kollox għaddej fuq ir-rubini, u hu għalhekk li nibgħu nappellaw lin-nies biex jiġu għandna biex ngħinuhom u nirrappreżentawhom”, sosta dan David Agius.
Kien Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li fetaħ din il-maratona u ħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa f’din il-maratona u jagħti mill-aħjar li jista’ biex hekk il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jinvesti fir-riżorsi tiegħu.
“Il-ħidma hawn ma taqta’ assolutament xejn. Nirringrazzja lill-voluntiera kollha li f’xi ħin jew post jew ieħor ikunu qed jagħtuna l-għajnuna tagħom. Mingħajr dawn in-nies, żgur li dan il-partit ma jkunx jista’ jopera.” Dan saħqu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif fakkar li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bħalissa qed isir ħafna tiġdid u riformi importanti. Dan l-eżerċizzju ta’ modernizzar jeħtieġ ħafna finanzi.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications Pierre Portelli sostna li l-organizzazzjoni ta’ Net Honours kien sogru madanakollu fis-serata tas-Sibt kienet xi ħaġa unika l-għaliex 20 sena darba tiċċelebrahom, u ġew iċċelebrati f’atmosfera mill-isbaħ. Pierre Portelli saħaq li dan huwa partit politiku bbażat fuq in-nies.
Huwa insista li għalkemm f’Net Honours ingħata ġieħ lil persuni li m’għadhomx jagħmlu parti min-Net Tv xorta waħda minn wara l-kwinti dan it-tim għadu u jibqa’ jiġġedded.
Pierre Portelli saħaq li jinsab kuntent bir-riżultati li qed jikseb Net FM wara s-sogru li ttieħed fit-tibdila tal-istazzjon tar-radju. Huwa saħaq li ċ-ċifri tal-Awtorita tax-Xandir wera li l-udjenza qed tippreferixxi lil dan l-istazzjon hekk kif żdiedu b’mod sostanzjali s-semmiegħa.
Hekk kif minn għada jingħata bidu għall-iskeda l-ġdida, Pierre Portelli sostna li dan hu sogru ieħor li l-istazzjon ser jieħu hekk kif irdoppjaw il-programmi. Huwa ħabbar ukoll li minn għada Net Tv ser ikollu libsa ġdida kemm minn jingles kif ukoll minn logo.