Futbol Sport

Giuseppe Rossi jevita sospensjoni fuq id-doping

L-attakkant Taljan Giuseppe Rossi evita sospensjoni wara li nstab pożittiv għal sustanza pprojbita f’Mejju. Il-plejer ta’ 31 sena, bħalissa jinsab bla klabb wara li spiċċalu l-kuntratt minn ma’ Genoa. Hu ngħata twissija u multà ta’ €378 biex ikopri l-ispejjeż tas-smigħ tal-organizzazzjoni Taljana kontra d-doping.

F’kumment li kiteb fuq twitter, Rossi qal li l-ħolma kerha ta’ erba’ xhur intemmet u żied li jrid jaħseb biss fuq il-futbol u jkompli jagħmel dak li jħobb l-aktar.

Is-smigħ tħabbar il-ġimgħa l-oħra wara li rapporti fl-Italja qalu li l-attakkant instab pożittiv għal dorzolamide wara l-logħba ta’ Genoa kontra Benevento f’Mejju. Is-sustanza normalment tinstab f’medikazzjoni kontra l-glaucoma. Skont rapporti fl-Italja. NADO Italia aċċettat li ma kellux intenzjoni li jqarraq, b’Rossi jiċħad dejjem li għamel xi ħaġa ħażina.

Rossi beda l-karriera professjonali fl-Ingilterra ma’ Manchester United u kellu esperjenzi b’self ma’ Newcastle u Parma. Hu lagħab ukoll ma’ Villarreal u Fiorentina kif ukoll b’self ma’ Levante u Celta Vigo. Rossi lagħab 30 logħba mat-tim nazzjonali tal-Italja f’karriera mimlija injuries.