Il-Prim Ministru qed ikompli jevita milli jgħid min, jekk xi ħadd, se jġorr ir-responsabilita’ politika għad-deċiżjoni taċ-Chairman tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li l-ġimgħa li għaddiet ordna l-użu ta’ jet privat b’nefqa ta’ kważi €9000.
Hu għamel dan billi stqarr li l-Awtorita hija entita’ awtonoma għalhekk il-Gvern mhux respnsabbli għad-deċiżjonijiet meħudin minnha.
Iżda mistoqsi jekk il-flus li tħallsu ħarġux minn but il-Maltin, hu ammetta li dawn huma taxxi tal-poplu u għamel analoġija mat-taxxi wżati mill-Qorti bl-istess mod. Dan ifisser li l-eluf li tħallsu biex l-Awtorita’ tal-Ippjanar isserraħ rasha mill-preżenza ta’ Gili waqt il-vot ħarġu mit-taxxi tal-Maltin.
Johann Buttigieg, Chairman tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, awtorizza l-ħlas ta’ €8750 biex jintuża jet privat sabiex iwassal lejn Malta u lura lejn Sqallija lil-membru tal-Bord Jacqueline Gili li kienet tinsab fuq btala privata.
Il-Prim Ministru nnifsu il-ġimgħa li għaddiet ikkritika id-deċiżjoni taċ-Chairman tal-Awtorita tal-Ippjanar u qal li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet mingħajr ma ġie nfurmat il-Gvern.
Fil-ġranet ta’ wara, il-Ministru Ian Borg li taħtu taqa’ r-responsabilita’ tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kien qal li l-Gvern talab id-dettalji dwar dan l-inċident mingħand l-Awtorita’ u li se tittieħed azzjoni hekk kif dawn id-dettalji jkunu għandhom. Sa issa għada ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
Mistoqsi wkoll dwar it-tenibilita’ tal-pożizzjoni taċ-Chairman tal-Awtorita’, il-Prim Ministru qal li l-Awtorita’ hija awtonoma u li hi tieħu d-deċiżjonijiet tagħha u mbagħad dawn id-deċiżjonijet ikun aċċettati jew le mill-poplu.
Intant huma okkażżjonijiet rari ħafna meta l-membri tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar jkunu kollha preżenti għall-vot. Gili nnifisha kienet assenti għal 27 vot tul din is-sena biss u kien mifhum li kienet se tkun assenti anke din id-darba, iżda għal xi raġuni inbidlu l-pjanijiet u hija ġiet miġjuba Malta għal ftit sigħat biex tkun tista titfa l-vot tagħha qabel ma reġghet twasslet lura lejn Sqallija.
//= $special ?>