Lokali

Il-Prim Ministru ma jridx jgħid jekk Owen Bonnici hux l-avukat tiegħu jew le

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti dalgħodu l-Prim Ministru ma qalx jekk il-Ministru Owen Bonnici hux l-avukat tiegħu jew le.

Mistoqsi jekk kienx infurmat li l-Ministru kien ingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta, hu ma rrispondiex għad-domanda u minflok qal li hu jżomm mija fil-mija ma’ dak li qal Owen Bonnici.
Hu kompla jgħid li hemm kawża li qed tinstema quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u li ma ried iżid xejn li jista jippreġudika din il-kawża.

Joseph Muscat baqa’ ma kkonfermax u lanqas caħad jekk Owen Bonnici aġixxiex bħala’ avukat tiegħu wara li l-Avukat Ġenerali fix-xhieda tiegħu fil-Qorti Kostituzzjuonali l-ġimgħa li għaddiet qal li hu kien ta kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant lil Owen Bonnici bħala avukat tal-Prim Ministru.

Fid-dawl tax-xhieda tal-Avukat Ġenerali, il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler qal li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma setax serva ta’ avukat għall-Prim Ministru u martu fil-kapaċita’ personali tiegħu għax dan ikun fi ksur tal-kodiċi tal-etika.

George Hyzler qal li Owen Bonnici huwa ministru u għaldaqstand mhux avukat prattikanti. Hu qal li avukati li kienu kellmuh dwar il-każ kienu sorpriżi ħafna bid-dikjarazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali għaliex Owen Bonnici mhux l-avukat tal-Prim Ministru.