Bħala Oppożizzjoni se nibqgħu nagħmlu xogħolna kif aħna obbligati li nagħmlu. Se nkunu qed nagħmlu dmirna u nikkritikaw fejn meħtieġ, iva, imma mhux se nieqfu hemm. Se nkunu qed noffru wkoll lill-Gvern is-soluzzjonijiet għax aħna ma nġibu xejn qabel l-interess komuni, qabel l-interess tan-nies.
Hekk qalilna Robert Cutajar, il-Whip tal-Oppożizzjoni, meta lbieraħ tlabnieh il-kumment tiegħu hekk kif illejla l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ wara l-vaganzi tas-sajf. Hu qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi u t-tarka tal-faxxa l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Mitlub jgħid x’inhuma l-prijoritajiet għall-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, Robert Cutajar qalilna li l-Gvern sa issa informa lill-Oppożizzjoni biss bl-ewwel 10 abbozzi li se jkunu qed jitpoġġew fuq l-aġenda parlamentari. Dawn jinkludu fost l-oħrajn l-NGOs, negozji tal-familja, qasam edukattiv, servizzi u swieq finanzjarji. “Ovvjament il-Baġit jibqa’ l-aktar suġġett importanti u li l-aktar se jkun qed jieħu ħin fil-ġimgħat li ġejjin. Dan se jkun preżentat fit-22 ta’ Ottubru bil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jwieġeb ġimgħa wara. Sussegwentement imbagħad jibdew jiġu diskussi l-voti kollha ta’ kull ministeru.
Robert Cutajar qal ukoll li l-Oppożizzjoni ma teskludix li tista’ tressaq mozzjonijiet / Private Members Bills fil-ġimgħat li ġejjin fuq suġġetti varji.
Staqsejna lill-Whip id-dettalji dwar il-bidla fil-ġranet u ħinijiet li matulhom se jibda jiltaqa’ l-Parlament. Qalilna li proprju minn għada t-Tlieta, il-Parlament se jibda jiltaqa’ fil-ġranet tat-Tlieta u l-Erbgħa fl-4pm bil-jum tat-Tnejn il-Parlament jibda jiltaqa’ fil-ħin li dejjem iltaqa’ sa issa, dak tas-6 ta’ filgħaxija. “Wieħed jittama li din id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern tkun verament immirata għal skopijiet ta’ family measures u mhux skopijiet oħra,” temm jgħidilna Robert Cutajar.
//= $special ?>