Lokali

Net News b’libsa ġdida; illejla jibda d-drama Miraklu

Illejla NET NEWS mill-istudios il-ġodda b'dehra aktar friska

Mil-lum bdiet skeda ġdida ta’ programmi fuq Net Television; skeda mistennija ħafna mit-telespettaturi minħabba li diġà tħabbru numru ta’ programmi ġodda b’uċuħ ġodda kif ukoll oħrajn li għandhom esperjenza twila fix-xandir Malti.

L-iskeda l-ġdida ta’ Net Television hi wkoll opportunità ta’ rebranding tal-istazzjon fejn inbidlet il-libsa kompletament bħalma għamel ir-radju tal-Partit Nazzjonalista li f’Lulju li għadda meta nbidel għal Net FM – mossa li ġabet żidied qawwija fl-udjenzi skont stħarriġ xentifiku tal-Awtorità tax-Xandir.

Il-gazzetta il-mument ilbieraħ tkellmet ma’ Pierre Portelli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Media.Link Communications. “Żidna l-programmi bid-doppju u erġajna ħloqna t-tieni serata wara l-prime-time,” tenna Portelli. “Net Television se jkollu tliet serje televiżivi ta’ drama Maltija: ‘It’s Morris’ kull nhar ta’ Ħadd fit-20:45, ‘Miraklu’ nhar ta’ Tnejn fit-20:50 u ‘Fattigi’ nhar ta’ Ħamis fit-20:50.”

Iżda d-drama mhix se tkun l-unika ingredjent fl-iskeda l-ġdida. Dan għaliex waranofsinhar se jkun mimli bil-programm ‘Life & Style’ u warajh ‘Tearoom’, segwit minn ‘Net Live’ fis-18:05 li jwassal sal-bulettin ta’ Net News fis-19:30. Din is-sena Net News se jżanżan studio u sett ġdid ferm akbar u isbaħ sabiex Net Tv jikkompeti bil-viżwal kif ukoll bil-kontenut tal-aħbarijiet.

“Għamilna investiment sostanzjali biex ikollna studio ta’ Net News li hu l-akbar li qatt kellna f’20 sena ta’ Net Tv,” qal Pierre Portelli. “Barra minn hekk, komplejna l-proġett tat-trasformazzjoni tal-istazzjon kollu għal HD.”

Se jiżdiedu wkoll il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u dawk ta’ diskussjoni. Se jkompli bis-suċċess li kiseb ‘20 Sena Net TV’ nhar ta’ Tlieta segwit minn ‘Mirja’, programm ġdid imtella’ minn Dulcima Aquilina. Nhar t’Erbgħa se jittella’ l-programm investigattiv ‘Sorsi Infurmati’ ppreżentat minn Stephanie Chircop, segwit minn ‘Iswed Fuq l-Abjad’ ma’ Frank Psaila. Il-Ħamis, wara d-drama, se jkun hemm programm ġdid bl-isem ta’ ‘10Q’ immexxi minn Sergio Mallia, waqt li nhar ta’ Sibt il-programm ‘Il-Vuċi Tiegħek’ imtella’ kollu kemm hu mill-Parlament Ewropew. Il-Ħadd filgħodu l-analiżi tal-gazzetti ma’ Dione Borg.

Minbarra dawn il-programmi ma jonqsux dawk ta’ kultura bħal ‘Meander’ nhar ta’ Ġimgħa u ‘Bieb u Għatba’ il-Ħadd filgħodu fl-10:00; varjeta` bħal ‘The Entertainers’ nhar ta’ Sibt u ‘Puree’ mit-Tnejn sal-Ħamis wara Net News; sport b’‘Replay Preview’, ‘Replay’, ‘Sports Extra’ u ‘Mhux Premier Biss’, u after programmes interessanti fosthom ‘Tentufiet’, ‘Immaġni’, ‘Wheelspin’, ‘Baker’s Kitchen’, ‘Jekk Jogħġobkom’ u ‘Akila’ li se jikkonsisti fi sfida bejn il-mudelli li tibda f’Jannar 2019.

“Din l-iskeda hi possibbli grazzi għall-ħidma tal-ħaddiema kollha u tal-produtturi li emmnu fl-istazzjon,” jgħid Pierre Portelli. “Media.Link ma waqfitx taħdem tul din is-sena li għaddiet sabiex tkun f’pożizzjoni li tippreżenta dan it-tibdil għall-ġid tat-telespettaturi kollha.”

Hu spiċċa biex qal li minn Marzu se jiġi varat il-portal il-ġdid ‘Net On Demand’ fejn il-programmi kollha ta’ Net TV se jkunu aċċessibbli wkoll fuq l-internet.