Lokali

Jinqatgħu inqas kawżi minkejja żieda fil-ġudikanti u tnaqqis fil-kawżi miftuħa

Ftuħ tas-sena forensi 2018-19
Jintlaħaq qbil dwar il-liġi li tirregola l-professjoni legali. Il-ballun issa f'saqajn l-Avukat Ġenerali biex iressaq abbozz għall-approvazzjoni tal-Kabinett.

Minkejja li kienu introdotti inqas kawżi u minkejja iż-żieda fin-numru ta’ ġudikanti u l-għajnuniet lill-istess ġudikanti, xorta waħda qed jinqatgħu inqas kawżi fil-Qrati u t-Tribunali Maltin. Sostna dan il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-sena forensi tal-Qrati tal-Ġustizzja. Hu qabbel l-istatistika tas-sena li għaddiet ma’ dik ta’ ħames snin qabel fl-2012.

2012

Kawżi miftuħa – 5497

Kawżi deċiżi – 3743

2017

Kawżi miftuħa – 4543

Kawżi deċiżi – 3333

L-Avukat Hyzler spjega li dawn iċ-ċifri ikopru l-kawżi fil-Qrati u Tribunali Ċivili u ma jinkludux il-Qrati Kriminali għalkemm l-istampa fil-kawżi kriminali hija simili. Il-President tal-Kamra tal-Avukati kompla li minkejja li daħlu inqas kawżi, żdiedu l-ġudikanti u żdiedu l-għajnuniet lill-ġudikanti bħall-introduzzjoni tal-court attorneys, globalment xorta waħda inqatgħu kawżi milli nqatgħu fl-2012. “In-numri mhux qed jagħmlu sens u għalhekk naħseb li jkun xieraq li wieħed jara x’inhuma r-raġunijiet għal dan il-fenomenu fejn b’inqas kawżi introdotti  u b’iktar għajnuna qed jinqatgħu inqas kawżi,” tenna l-Avukat Hyzler.

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala President tal-Kamra tal-Avukati hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se jassumi l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, l-Avukat Hyzler esprima s-sodisfazzjon li sa fl-aħħar, wara kampanja tal-Kamra tal-Avukati li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar għaxar snin, intlaħaq qbil dwar l-aħħar punti sabiex Malta ikollha liġi li tirregola l-professjoni legali. Nuqqas li ilu jinħass u li żdied wara tibdil soċjali u ekonomiku qawwi matul dawn is-snin.

Fost il-punti ewlenin li se jkunu indirizzati mill-liġi hemm:

  • Definizzjoni dwar is-servizzi legali li jistgħu ikunu offruti esklussivament minn avukati u dawk li jistgħu ikunu offruti minn professjonijiet oħra.
  • Id-ditti tal-Avukati jiġu rikonoxxuti u regolati
  • Obbligu li kull avukat ikun membru tal-Kamra tal-Avukati
  • Jinħareġ ċertifikat annwali ta’ prattika mill-Kamra tal-Avukati. Iċ-ċertifikat jinħareġ b’mod awtomatiku sakemm ma jkunx hemm raġuni legali li ma jiġġeddidx.
  • Introduzzjoni tal-obbligu tal-iżvilupp professjonali kontinwu
  • Obbligu ta’ assikurazzjoni professjonali
  • Jitwaqqaf reġistru tal-Avukati li jinżamm mill-Kamra tal-Avukati
  • Iktar poteri lill-Eżekuttiv dwar ir-reponsabbiltajiet tal-Kamra tal-Avukati

L-Avukat Hyzler qal li issa, il-ballun jinsab f’saqajn l-Avukat Ġenerali sabiex jippreżenta abbozz rivedut lill-Kabinett mill-iktar fis.

Fis-snin li ġejjin se sseħħ “l-ikbar taqliba fil-bank tal-ġudikatura” – Il-Prim Imħallef

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-ftuħ tas-sena forensi bħala l-President tal-Qrati wara l-ħatra tiegħu f’April li għadda, il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi qal li fit-tliet snin li ġejjin, xejn inqas minn 9 membri tal-bank tal-ġudikatura se jtemmu l-karriera tagħhom bl-eta’. Wieħed mill-ikbar tibdil li qatt sar f’daqqa fil-Ġudikatura. “Tajjeb li jkun hemm pjan minn issa biex dan it-tibdil ikun maħsub minn qabel u mhux jiġri kif ġara ħafna drabi li jispiċċaw ġudikanti u jkun hemm dewmien biex jinħatru oħrajn minflokhom,” qal il-Prim Imħallef.

Il-Prim Imħallef radd ħajr lill-predeċessur tiegħu, il-Prim Imħallef Emeritus Silvio Camilleri, kif ukoll lill-Imħallef Antonio Mizzi li fil-ġimgħat li ġejjin se jirtira bl-eta’ wara 30 sena fuq il-bank tal-Ġudikatura. Filwaqt li qabel mal-President tal-Kamra tal-Avukati li t-tnaqqis fin-numru ta’ kawżi deċiżi hija inspjegabbli, madanakollu it-tibdil fil-kompożizzjoni tal-Qrati bl-introduzzjoni ta’ ġudikanti ġodda, bilfors se jwassal għal xi interruzzjonijiet fix-xogħol, speċjalment fil-Qrati tal-Appell.

Hu qal li kien ta’ vantaġġ li t-tliet Imħallfin ġodda kienu Maġistrati għax din iffaċilitat it-transizzjoni minn Qorti għall-oħra. Min-naħa l-oħra il-Maġistrati ġodda li nħatru immedjatament bdew ix-xogħol tagħhom. Iż-żieda fin-numru ta’ ġudikanti iġġib sfida wkoll għall-amministrazzjoni tal-qrati, kemm bħala loġistika kif ukoll bħala staff.

Il-Prim Imħallef iddedika parti mid-diskors tiegħu għal persuni li jħobbu jikkummentaw fuq il-media soċjali dwar il-ħatriet ta’ ġudikanti u x-xogħol tagħhom. Fakkar li kull ġudikant jieħu ġurament ta’ lealta’ lejn ir-Repubblika u l-poplu ta’ Malta u dan il-ġurament jieħduh bl-ikbar serjeta’ li jixraqlu. “Il-Ġudikatura Maltija m’hix inferjuri għal ebda ġudikatura fid-dinja. Ma jfissirx li d-deċiżjonijiet tagħna ma jistgħux ikunu kritikati imma din il-kritika trdi issir b’sens u b’ċertu għarfien tal-principji bażiċi tal-ġustizzja,” tenna l-Prim Imħallef.

Preżenti għall-ftuħ tas-sena forensi kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja Adrian Delia, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, l-Avukat Ġenerali Peter Grech u Prim Imħallfin Emeriti

Ikkummenta