Lokali

L-anniversarju mit-twelid ta’ Nerik Mizzi (2)

Kitba ta' Joe Calleja

Tkompli mill-ġimgħa li għaddiet…

L-isfortuna għal Nerik Mizzi kienet li Donati laħaq miet f’Pariġi, qabel ġie lura Malta biex hu, refuġjat anti-Faxxista, ikompli jgħin fid-difiża tal-lingwa u l-kultura Taljana f’pajjiżna.
Nerik kien ‘jiġġustifika’ l-imħabba tiegħu għall-Italjanità b’dawn il-kliem “Ommok xorta tibqa’ ommok, anki jekk issir mara tar-triq”.

It-tqabbil qarrieqi tad-difiża tal-lingwa u l-kultura Taljana mal-Faxxiżmu, kien hemm min inqeda bih, anki fi ħdan l-istess PN, bħala skuża, biex ftit snin wara jitlaq mill-partit. Ħalliha li ftit wara reġa’ lura, forsi għax ftakar f’diskors li kien għamel fl-1932, fejn kien iddefenda l-Latinità (jiġifieri l-Italjanità) ta’ Malta, għax biex inkunu Ewropej irridu nkunu Latini. Eżatt it-twemmin ta’ Nerik!

Il-prinċipji fundamentali tal-PN kienu dejjem il-ħarsien tat-tradizzjonijiet insara tal-pajjiż u l-ħarsien tad-drittijiet tagħna bħala poplu.

L-ewwel programm maħsub fit-tul kien proprju dak tal-1932, meta l-PN iddikjara bl-aktar mod ċar dak li kien ilu jgħid Nerik, jiġifieri,“Fi ħsiebna nitolbu li Malta titneħħa minn taħt il-Ministeru tal-Kolonji u tmur taħt il-Ministeru tad-Dominji.”

Aktar tard huwa spjega eżattament x’ried jgħid biha Dominion Status (jew Responsible Status, kif beda jissejjaħ wara l-gwerra). Fl-1945 hu qal li dan kien ifisser ‘reġim ta’ indipendenza fil-British Commonwealth of Nations’. Kien Nerik Mizzi, għalhekk, l-ewwel politiku Malti li insista b’mod ċar għal indipendenza, fil-Commonwealth.

Ir-rebħa kbira tal-1932
Imma mmorru lura lejn it-Tletinijiet: Il-PN rebaħ b’aktar minn żewġ terzi tal-voti fl-elezzjoni tal-1932. Maġġoranza assoluta. Minnufih bdew it-tħejjijiet biex delegazzjoni ministerjali tmur Londra ħalli titlob Dominion Status għal Malta.

Lura Malta, il-ministri kellhom dimostrazzjonijiet kbar ta’ appoġġ. Il-Gvern Kolonjali Ingliż beda jippanikja u sab skuża banali biex fl-20 ta’ Settembru 1933, b’‘kumbinazzjoni’ proprju f’jum twelid Nerik, xolja ħesrem lill-Gvern u rtira l-Kostituzzjoni. Jum ieħor sfortunat għalih.

Wara sitt snin, fl-1939, waqqaf Kunsill Governattiv b’10 membri eletti (b’Malta maqsuma f’żewġ distretti biss). Nerik Mizzi ġie elett bl-ikbar numru ta’ voti fost it-tliet kandidati li tella’ l-PN, li kienu jinkludu wkoll lil Ugo Mifsud u Ġorġ Borg Olivier. Carmelo Mifsud Bonnici kien telaq mill-PN, u ħareġ għal rasu f’partit li sejjaħlu Nazzjonalista Indipendenti, iżda ma kienx elett.

L-aktar paġna kerha fl-istorja politika ta’ pajjiżna hi dik li ġrat lil aktar minn mitt ruħ li ġew internati bejn l-1939 u l-1940; u aktar tard, id-deportazzjoni ta’ madwar ħamsin minnhom.

Infatti għal darb’oħra l-isfortuna laqtet lil Nerik Mizzi. Xahrejn wara dik l-elezzjoni, f’Settembru tal-1939, faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija meta Hitler invada l-Polonja, u l-qagħda fl-Ewropa u fil-Mediterran kienet bdiet teħżien. Dan wassal biex dawk li kienu jobogħdu lin-Nazzjonalisti bdew ixewxu fil-gazzetti biex jiġu arrestati n-Nazzjonalisti għaliex, intqal, dawn kienu jgħinu lill-għadu jekk dan jipprova jokkupana. Dan għax Mussolini, beżgħan li Hitler kien lest jinvadi lill-Italja wkoll, irraġuna (ħażin) li kien jaqbillu jsir alleat tal-Ġermanja Nazista.

Ħaġa li mexxej Faxxista ieħor, Franco ta’ Spanja, ma beżax minnha, u ġietu tajba għax fil-fatt Spanja baqgħet newtrali tul il-gwerra, u ħadd ma attakkaha. Fl-opinjoni tiegħi, kieku Malta kienet tkun alleata newtrali ta’ Italja newtrali, kienet ukoll tiffranka l-kruha tal-gwerra. Iżda dan ma setgħetx tagħmlu għax kienet kolonja maħkuma mill-Ingliżi u, fuq kollox, kienet bażi tal-Imperu Britanniku! Imma dawn huma kollha ipoteżi, mhux hekk?

Internati
Intant f’Malta l-Ingliżi bdew jarrestaw ħafna li ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-politika. Kien hemm attakki kontinwi fil-gazzetti Stricklandjani, li speċifikament qalu li n-Nazzjonalisti kellhom jiġu eżiljati. Wieħed mill-aktar attakki ħorox kien diskors li Roger Strickland għamel fil-Kunsill nhar id-9 ta’ Mejju 1940.

Fost affarijiet oħra, Strickland qal li numru ta’ Maltin kellhom jiġu internati u fosthom semma speċifikament lil Nerik Mizzi u lil Herbert Ganado. Hu ma riedx li l-Maltin ikunu arrestati biss; ried li jkunu eżiljati.

Nerik Mizzi wieġeb hekk: “Aħna nirrispettaw lin-nazzjon Ingliż. Iżda jekk għandna rispett għall-poplu u ammirazzjoni għan-nazzjon Ingliż, għandna rispett ukoll għall-poplu u għan-nazzjon Malti, għat-tradizzjonijiet u għaċ-ċiviltà tagħna. Ma nippermettu lil ħadd li jitterrorizzana bl-iskuża ta’ żlealtà.”

Huwa kompla li Malta riedet biss li d-drittijiet tagħha jiġu rispettati. Żied li għal Malta hu kien lest jagħmel kollox għax hu minn Alla biss kien jibża’. L-arresti, iżda, komplew.
U wasal ukoll l-arrest ta’ Mizzi. Fil-każ tiegħu hemm dubji jekk l-Ingliżi kellhomx dritt jarrestaw persuna li kienet membru tal-Kunsill Governattiv. Hu kien arrestat fit-30 ta’ Mejju tal-1940 waqt li kien qed jaħdem fl-Istamperija tal-Malta.

Ebda internat ma rċieva raġuni għall-internament tiegħu. L-ewwel ġew internati fil-Forti San Salvatore. Iżda dan il-post ma kienx ta’ sigurtà minħabba li kien fil-qalba tal-bumbardamenti.
Għal xi ġranet, l-internati ttieħdu fil-Ħabs f’Kordin, b’Nerik Mizzi jsakkruh fiċ-ċella tal-ikkundannati għall-mewt! Wara, huma ttieħdu Sant’Agata, ir-Rabat.

Il-kundizzjonijiet tal-internament kienu ferm ibsin. L-internati kellhom jagħmlu x-xogħol kollu mitlub minnhom, u setgħu jibagħtu biss sa żewġ ittri fil-ġimgħa ta’ mhux aktar minn erbgħin kelma, li kienu jiġu ċċensurati.

L-unika darba li Mizzi tħalla jikteb ittra itwal kienet meta l-Vatikan bagħat telegramma lill-Isqof u staqsa dwaru. Iżda t-tweġiba ta’ Mizzi baqgħet ma nbagħtitx għaliex iċ-ċensuri oġġezzjonaw għal riferimenti ta’ priġunieri politiċi.

Mill-internati, hu biss kien politiku, waqt li kien hemm numru ta’ persuni qrib tiegħu. Matul il-gwerra kien hemm bejn tmenin u mitt persuna internati. L-istampa Stricklandjana ma kinetx kuntenta li n-Nazzjonalisti ġew internati biss f’Malta, u bdew jidhru ittri u artikli li jinsistu li dawn kellhom jitkeċċew minn Malta.

Id-deportazzjoni
Fil-fatt, fil-31 ta’ Jannar tal-1942, saru jafu li wħud minnhom kienu se jiġu eżiljati. U wara ftit, numru minnhom irċevew l-avviż biex iħejju għall-vjaġġ. Id-deportati bdew battalja fil-Qorti.
L-Imħallef AJ Montanaro Gauci, Stricklandjan magħruf, qata’ l-kawża favur tagħhom għax ma kienx legali li ċittadini Ingliżi jiġu deportati. Il-Gvern Ingliż iżda ma ddejjaqx u xorta ddeportahom. Mhux biss, aktar tard għadda liġi li kienet tgħid li parti mill-Uganda kienet territorju Malti! Din il-liġi ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar.

F’din il-laqgħa, Sir Ugo Mifsud għamel diskors imqanqal biex jiddefendi lid-deportati. Kien tant kommoss li ħassu ħażin, u miet fi żmien jumejn. B’hekk il-PN tilef liż-żewġ mexxejja tiegħu.
Wara vjaġġ twil u mimli periklu bil-baħar u bil-ferrovija li beda fit-13 ta’ Frar 1942, id-deportati ttieħdu f’kamp fl-Uganda. Hemmhekk, Nerik Mizzi seta’ insista għal trattament preferenzjali. Iżda hu pprefera li joqgħod ma’ ħbiebu d-deportati.

Lura mill-internament u mill-eżilju li ntemm mal-wasla tagħhom f’Malta tliet snin wara, f’Marzu tal-1945 meta Nerik intlaqa’ fid-dwana u twassal id-dar fost briju u ferħ tal-Maltin, hu reġa’ ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-politika, minkejja li fl-Uganda saħħtu kienet marret ħafna lura. Jumejn wara li ġie, il-Logutenent Gvernatur Ingliż bagħat għalih u wissieh joqgħod attent xi jgħid.
Nerik Mizzi mill-ewwel għarrfu li bħal dejjem hu kien se jagħmel dmiru. Fl-istess xahar attenda l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Governattiv, li kien għadu uffiċjalment membru tiegħu.
Fil-21 ta’ Settembru 1947 sar l-ewwel kungress tal-PN wara l-gwerra. Kien kungress li wera li l-partit kien diġà reġa’ ħa r-ruħ. Bdiet kampanja ta’ meetings kullimkien. F’meeting f’Bormla, in-Nazzjonalisti qalgħu xebgħa ġebel.

Prim Ministru għal tliet xhur biss…
L-elezzjoni tal-1947 intrebħet mill-MLP immexxi minn Pawlu Boffa, iżda l-Gvern tiegħu fl-1949 sab ruħu maqsum f’żewġ partiti meta Duminku Mintoff qalibha lil Boffa fit-tmexxija tal-MLP, b’Boffa jwaqqaf il-Malta Workers Party. Il-Gvern ta’ Boffa waqa’. Kellha terġa’ ssir elezzjoni f’Settembru 1950, bil-PN iġib l-akbar ammont ta’ voti. Nerik Mizzi sab ruħu Prim Ministru bi gvern ta’ minoranza. Id-diskors mit-tron kien konċiljattiv ħafna fejn reġa’ wera li fuq kollox dak li kien jinteressah kien il-ġid ta’ Malta.
Sadanittant saħħtu kompliet sejra lura bis-sigħat twal li kien jgħaddi fil-Berġa ta’ Aragona, jipprova jsib is-soluzzjoni għall-problemi kbar li kellu l-pajjiż, iżda xorta waħda, kontra l-parir tat-tobba u sħabu, u maltempata, mar jilqa’ lill-Prinċipessa Eliżabetta (illum Reġina). Sfortunatament ftit jiem wara tah attakk u miet fl-20 ta’ Diċembru tal-1950 fid-dar tiegħu. L-aħħar kelmiet tiegħu fuq is-sodda kienu:

“Għidu lil kulħadd li għamilt dmiri u li għandi l-kuxjenza kwieta li għamilt kollox għall-Patria. Naħfer lil kulħadd, kif irrid li kulħadd jaħfer lili. Jien se mmut. Se mmut bil-kuxjenza trankwilla li fil-ħajja pubblika tiegħi jiena qatt ma nqast li nagħmel id-doveri tiegħi.”
Il-funeral ta’ Nerik Mizzi kien wieħed mill-akbar li qatt ra pajjiżna. Il-katavru ttieħed fil-Berġa ta’ Aragona u wara fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Kulħadd ipparteċipa.

L-ogħla awtoritajiet Ingliżi kienu preżenti. Saħansitra rappreżentant tal-Prinċipessa Eliżabetta, u Ammiralli, Kapijiet tas-Servizzi, kaptani tal-bastimenti u fizzjali kienu preżenti.
Kulħadd kellu kliem ta’ tifħir għalih. Borg Olivier, li kien inħatar Prim Ministru minfloku, qal, “Kien il-ħabib, il-missier u l-Kap tiegħi. Kellu l-avversarji, iżda ma kellux għedewwa, għax kien onest, sinċier u ta’ karattru.”

Il-Perit Mintoff kien iddikjara li Mizzi kien avversarju nadif li ma kienx jaf jobgħod. Ħalla patrimonju kbir lill-pajjiż, u kien “L-aqwa fost il-Maltin”.