Sebastian Vettel għadu fiduċjuż li jista’ jegħleb lil Lewis Hamilton u jirbaħ il-ħames kampjonat minkejja li jinsab 50 punt wara r-rivali tiegħu. Ir-rebħa ta’ Hamilton fir-Russja u t-tielet post ta’ Vettel fissru li l-vantaġġ tal-Britanniku hu ekwivalenti f’żewġ rebħiet, b’ħames tiġrijiet biss għat-tmiem.
“Għadni nemmen fiċ-ċansijiet tagħna. Ovvjament mhux qed jikbru jekk tispiċċa warajh imma min jaf, trid tiġrija li ma hu ma jispiċċax u f’daqqa waħda l-affarijiet jidhru differenti – idealment tnejn – li mhux qed nawgura lil Lewis imma qatt ma taf x’jista’ jiġri.”
Vettel kompla li jridu jibqgħu fl-aħjar forma possibbli, u ammetta li fi tmiem il-ġimgħa ma kienx il-każ u għalhekk iridu jaċċertaw li jiffukaw fuq l-aħħar tiġrijiet.
Ir-rebħa ta’ Hamilton kienet it-tielet waħda konsekuttiva u l-ħames waħda fl-aħħar sitt tiġrijiet. Ir-rebħa fir-Russja waslet wara li tħalla jgħaddi minn sieħbu Valtteri Bottas. “Ma naħsibx li qatt spiċċajt l-ewwel u nħossni kif inħossni bħalissa,” qal Hamilton wara t-tiġrijia. Iżda r-reazzjoni ta’ Vettel kienet differenti għaliex qal li fil-pożizzjoni li kienu huma ma kinitx xi ħaġa ta’ barra minn hawn li għamlu.
Ġeneralment, Ferrari jkollhom vantaġġ fuq Mercedes fil-pass li jkollhom f’dan il-perjodu. Iżda f’Sochi, is-Silver Arrows kienu fi klassi għalihom, b’Vettel ikun megħlub b’aktar minn nofs sekonda fil-provi uffiċjali.
Il-Kap tat-tim tal-Ferrari Maurizio Arrivabene qal li tmiem il-ġimgħa f’Sochi kien diffiċli għalihom. Hu qal li minkejja l-isforzi tagħhom biex isibu s-set-up ideali, la s-Sibt u l-anqas fit-tiġrijia ma kienu kompetittivi biżżejjed biex idejqu lir-rivali tagħhom.
“Fuq il-karta, it-tiġrija li jmiss fil-Ġappun għandha tkun simili ħafna tal-karatteristiċi ta’ Silverstone, għalhekk f’Suzuka se jkollna aktar indikazzjoni preċiża tal-potenzjal tal-karozza. Jekk tmur tajjeb, inkunu nafu li minkejja s-sitwazzjoni diffiċli fil-klassifika, għad għandna l-aħjar għodda li bihom nistgħu nissieltu sal-aħħar,” qal Arrivabene.
Klassifika tas-Sewwieqa: Lewis Hamilton 306 punti, Sebastian Vettel 256 punt, Valtteri Bottas 189 punt, Kimi Raikkonen 186 punt, Max Verstappen 158 punt
It-tiġrijiet li fadal: Ġappun (7 ta’ Ottubru), Stati Uniti (21 ta’ Ottubru), Messiku (28 ta’ Ottubru), Brażil (11 ta’ Novembru), Abu Dhabi (25 ta’ Novembru)
//= $special ?>