Futbol Sport

Wara t-tluq ta’ Giuseppe Marotta …. Andrea Agnelli jgħid li l-persuni jinbidlu iżda l-mudell tal-klabb jibqa’ l-istess

Il-President ta’ Juventus Andrea Agnelli ċċara l-istrateġija ta’ Juventus wara li ħarġet l-aħbar li Giuseppe Marotta se jħalli l-klabb. Hu qal li l-mudell ta’ Juventus mhux se jinbidel iżda se tinbidel it-tmexxija tal-pilastri tal-klabb.

Giorgio Ricci se jkun responsabbli mid-dħul, Fabio Paratici miż-żona sportiva u Marco Re miż-żona finanzjarja. Minbarra Marotta, ħalla wkoll lil Juventus Aldo Mazzia, b’Agnelli jikkjarifika li t-tnejn għamlu biċċa xogħol tajba biex anki rawmu diriġenti ġodda u żgħażagħ.

Andrea Agnelli żied li Juventus se jkomplu fuq tliet pilastri li huma sportivi, id-dħul u s-servizzi tal-klabb. “Mhu se jkun hemm l-ebda tip ta’ kambjament. Juventus se jkomplu jiffunzjonaw kif qed jaħdmu bħalissa.”

Il-President ta’ Juventus żied li dak li se jinbidel huma n-nies, fejn qal li jrid persuni ta’ 45 sena li huma lesti u preparati. Hu saħaq li bħala klabb iridu jkunu lesti biex jaffrontaw l-isfidi globali u jridu jkomplu jikkompetu ma’ skwadri li jinsabu qabilhom fir-rigward tad-dħul.

Intant, Giuseppe Marotta tkellem l-għada li ħabbar li se jħalli l-kariga ta’ Ammnistratur Delegat fejn qal li ma kinitx l-għażla tiegħu li jitlaq u sostna li kienet deċiżjoni diffiċli għalih.

Rapporti fil-media qalu li d-deċiżjoni ta’ Agnelli setgħet immaturat wara nuqqas ta’ qbil bejn it-tnejn minħabba l-kundizzjonijiet marbuta mat-trasferiment ta’ Ronaldo.