Internazzjonali

Franza: Azzjoni kontra t-terroriżmu fil-limiti ta’ Dunkirk

Il-Pulizija fi Franza wettqet rejd ġo ċentru għall-Musulmani fejn arrestat tlieta mill-mexxejja taċ-ċentru b’konnessjoni ma’ pussess ta’ armi illegali.

Ir-rejds qrib il-belt ta’ Dunkirk saru kmieni dalgħodu, bl-uffiċjali Franċiżi jsostnu li l-azzjonijiet saru fuq suspett dwar rabtiet bejn iċ-ċentru — is-sede ta’ assoċjazzjoni Musulmana — u organizzazzjonijiet terroristiċi.

Franza, li għandha l-akbar komunità ta’ Musulmani fl-Ewropa, tinsab fuq il-massimu tal-allert wara snin karatterizzati b’attakki qattiela f’artha minn militanti Iżlamiċi.

Intant, fir-rejd ta dalgħodu fl-inħawi ta’ Grande-Synthe ħadu sehem 200 pulizija, fosthom truppi elitisti minn Pariġi, bl-awtoritajiet wara, jikkonfermaw li din kienet azzjoni anti-terroristika.

Sar magħruf li ċ-ċentru Musulman inkwistjoni kien ilu jkun segwit minħabba li l-kapijiet tiegħu għandhom simpatiji ċari ma’ diversi gruppi u movimenti terroristiċi li jħaddnu ideali li jmorru kontra l-ideali ta’ Franza.