Lokali Parlament

Importanza li l-NGOs ikunu regolati b’reputazzjoni tajba

– Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella biex l-għaqdiet volontarji jkunu regolati b’reputazzjoni tajba waqt li dawn jaħdmu bil-libertà kollha.

F’diskors fil-parlament fil-liġi dwar l-NGOs id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li l-għaqdiet volontarji jagħtu kontribut kbir f’setturi li l-gvern ma jidħolx fihom u għalhekk mingħajrhom il-pajjiż ikollu aspetti nieqsa. Hu tkellem dwar il-mod kif kienu jitwaqqfu l-għaqdiet volontarji u l-kontribuzzjonijiet li dawn kienu jirċievu.

Fil-passat kien hemm persuni li abbużaw mill-fondi tal-organizzazzjonijiet u għalhekk hu importanti li l-qafas regolattiv jagħti fiduċja u importanza lill-aspetti ta’ awditjar. Jeħtieġ jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, sostna Karl Gouder, li kompla li hawn għaqdiet volonatrji li qed jgħinu biex jinstab bilanċ.

L-għaqdiet volontarji għandhom jingħataw l-ispazju kollu biex jaħdmu u għalhekk għandu jinstab bilanċ bejn ir-regoli li huma importanti iżda li ma jkunux burokratiċi. Hu appella biex ma jkunx hmem ħasil ta’ flus fl-NGOs u sostna li l-liġi għandha tassigura li Malta żżomm ir-reputazzjoni tagħha. Għandu jkun assigurat ukoll li l-NGOs jibbenefikaw mill-fondi li huma neċessarji fl-operat tagħhom.

Karl Gouder appella biex iktar entitajiet kummerċjali jagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-għaqdiet volontarji biex dawn isaħħu l-operat tagħhom.