Internazzjonali

IT-TRAĠEDJA TA’ GENOVA: Ħassru chats u emails eżatt wara t-tiġrif tal-pont

Il-vann li sar simbolu tat-traġedja
Ħafna beżgħu li se jinkixfu r-relazzjonijiet amorużi tagħhom

L-investigaturi fil-każ ta’ Genova ġabru b’kollox mat-13-il terabyte ta’ files li ġew sekwestrati mingħand uffiċjali tal-Ministeru tal-Infrastruttura u l-kumpanija Autostrade per l’Italia – ħidma delikata li permezz tagħha kien hemm individwi illi inqabdu li “ħassru” konversazzjonijiet mibgħuta b’emails jew chats fuq il-mobile.

Grazzi għal software avvanzat, instabu l-files kollha li ġew imħassra fil-jiem ta’ wara t-traġedja. Kollox jindika li l-investigaturi se jkunu f’pożizzjoni li jgħaqqdu ċ-chats illi tħassru – fi kliem qasir, il-konversazzjonijiet se jiġu irkuprati.

Din l-informazzjoni ġdida ġiet żvelata mill-ġurnal Taljan Il Fatto Quotidiano.

Biex sar l-iskrutinju tal-informazzjoni li għaddiet minn mobiles u b’email, intużaw kliem partikolari bħal “ponte”, “pericolo” u “sicurezza”. Minn dan l-eżerċizzju feġġew l-ismijiet ta’ 15-il persuna oħra li sa issa ma kienux ġew investigati.