Internazzjonali

L-ewwel mara rebbieħa tan-Nobel għall-Fiżika f’55 sena

Il-Premju Nobel għall-Fiżika tal-2018 ingħatat lil mara – Donna Strickland mill-Kanada – għall-ewwel darba f’55 sena.

Strickland, b’hekk, saret biss it-tielet mara fl-istorja li qatt kienet onorata bil-premju, wara Marie Curie, li rebħet in-Nobel fl-1903 u Maria Goeppert-Mayer, li ngħatat l-istess unur fl-1963.

Intant, Strickland, li hi bbażata fl-Università ta’ Waterloo, fil-Kanada, qed taqsam dan l-unur ma’ Arthur Ashkin, mill-Istati Uniti u mal-Franċiż, Gerard Mourou.

In-Nobel għall-Fiżika tal-2018 jirrikonoxxi l-iskoperti ta’ dawn it-tlieta fil-qasam tal-laser physics u wara li Ashkin żviluppa teknika – imfissra bħala optical tweezers – li tintuża għall-istudju tas-sistemi bioloġiċi.

Sadattant, Donna Strickland u Mourou sabu mezz kif jiġġeneraw il-laser pulses ferm intensivi fuq qasir żmien li jippermettu għal diversi mezzi ta’ applikazzjoni, u meta mezz partikulari jista’ jintuża għall-kirurġija tal-għajnejn.

L-American Institute of Physics (AIP) kien fost l-ewwel istituzzjonijiet li bagħtu messaġġi ta’ kongratulazzjoni lir-rebbieħa ġodda f’dan il-qasam,waqt li rrIfera ‘għar-rikonoxximent sinifikanti ta’ mara’ wara dan iż-żmien kollu.