Internazzjonali

L-Indoneżja: L-imwiet fit-terremot u t-tsunami qabżu l-1,350

L-ammont ta’ nies li tilfu ħajjithom fit-terremot u t-tsunami li straxxnaw partijiet mill-Indoneżja fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra issa qabeż l-1,350, skont l-aħħar bullettin mill-aġenzija inkarigata minn reazzjonijiet għal diżastri ta’ dan it-tip.

Din il-qabża allarmanti fin-numru ta’ vittmi kienet ikkonfermata wara li ċ-ċifra tal-mewt, sa sigħat qabel, kienet stabbilita ‘biss’ mat-844.

It-terremot qattiel kien laqat zona ‘il hinn mill-gżira ċentrali ta’ Sulawesi bir-riżultat li xpruna mewġ tal-baħar għoli (tsunami) li litteralment faqgħu lill-belt ta’ Palu, qrib il-kosta.

Ir-residenti ta’ Palu li għexu mid-diżastru qed isiru aktar iddisparati għall-provvisti meta huma nieqsa mill-ikel, fuel u ilma tajjeb għax-xorb.Il-konvojs tal-għajnuna li qed jidħlu fl-inħawi ta’ Palu, intant, qegħdin jagħmlu dan taħt skorta ta’ pulizija u suldati.

Fl-istess ħin, għad hemm biża’ li numru ta’ persuni jistgħu għadhom maqbudin taħt it-tifrik tal-bini. Dan fost tamiet li jinstabu ‘aktar ħajjin’ mil-lista ta’ persuni rappurtati nieqsa.

Iżda l-aħħar rapporti kkonfermaw is-sejba tal-katavri ta’ 34 student Indoneżjan ġo knisja li kienet intradmet taħt valanga ta’ tajn. Dawn kienu jiffurmaw parti minn kontinġent ta’ kważi 100 persuna u ma kien magħruf xejn dwar id-destin tal-istudenti l-oħra.

L-iskwadri għall-emerġenza anki qed ifittxu għall-persuni qalb il-fdalijiet ta’ lukanda, f’Palu, li kkrollat fil-ħin tat-terremot. Tbax biss minn dawn in-nies – tlieta minnhom ħajjin – kienu rkuprati mir-radam u meta t-tfittxija kienet qed tkompli.