Is-Sindku tal-belt ta’ Riace, fin-nofsinar tal-Italja, qed jinżamm taħt arrest fir-residenza tiegħu għal allegat sehem ‘fl-organizzazzjoni taż-żwieġ ta’ konvenjenza’ għall-iskopijiet tal-immigrazzjoni.
Domenico Lucano – li sar famuż madwar id-dinja bħala ‘is-sindku li jilqa’ lill-immigranti b’idejh miftuħa’– qed ikun akkużat ukoll dwar l-għoti ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ skart mingħajr ma rrispetta l-proċess stabbilit.
L-akkużi fil-konfront ta’ Lucano qed isegwu xhur ta’ politika għall-infurzar aktar riġidu tal-liġijiet għall-immigrazzjoni min-naħa tal-Gvern Taljan populista.
Lucano qed imexxi programm ‘uniku’ li jagħti merħba lill-immigranti f’Riace, fir-reġjun ta’ Kalabrija, b’dan is-sindku jipprovdi lill-immigranti bi djar abbandunati flimkien ma’ taħriġ fuq postijiet tax-xogħol, bit-tama li huma jgħinu għall-istimolu tal-ekonomija lokali.
Il-programm ta’ Lucano beda fl-1998 taħt Gvern preċedenti u minn dak iż-żmien, mijiet ta’ immigranti ngħaqdu mal-popolazzjoni lokali żgħira tal-belt. Ħafna jqisu l-programm bħala ‘mudell tal-integrazzjoni’ u fl-2016, Lucano kien issemma fost ‘l-aktar 50 mexxej impressjonanti’ mill-ġurnal Fortune.
//= $special ?>

