Manchester United u Bayern Munich ma rnexxielhomx jiksbu t-tieni rebħa fil-grupp tagħhom hekk kif kienu miżmuma f’darhom fi draws kontra Valencia u Ajax rispettivament. Ir-Red Devils kellhom prestazzjoni aħjar minn tas-Sibt li għadda kontra West Ham, iżda ma għamlux biżżejjed biex jegħlbu lil Neto. Bayern Munich kienu marru gowl minn fuq wara erba’ minuti b’daqqa ta’ ras ta’ MATS HUMMELS, iżda NOUSSAIR MAZRAOUI ġab id-draw fit-22 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.
Real Madrid kienu maħsuda fir-Russja meta kienu megħluba 1-0 minn CSKA Moscow. NIKOLA VLASIC spiċċa biex iddeċieda l-logħba wara 65 sekonda meta ħa vantaġġ minn passaġġ ħażin ta’ Toni Kroos u għeleb lil Navas.
Roma komplew jibnu fuq l-aħħar rebħiet fil-kampjonat, b’rebħa kbira ta’ 5-0 fuq Viktoria Plzen. EDIN DZEKO skorja tripletta fit-tielet, fl-40 u fid-90 minuta. CENGIZ UNDER kien għamilhom 3-0 fl-64 minuta, b’JUSTIN KLUIVERT jiskorja l-ewwel gowl ma’ Roma fit-73 minuta.
Gowl ta’ ALFA SEMEDO fl-74 minuta ta l-ewwel rebħa lil Benfica fi Grupp E wara li għelbu lil AEK Athens 3-2. Huma bnew vantaġġ doppju wara kwarta iżda doppjetta ta’ VIKTOR KLONARIDIS fit-53 u s-63 minuta kienet ġabet id-draw momenarju.
Olympique Lyon u Shaktar Donetsk spiċċaw fi draw ta’ 2-2. Doppjetta ta’ JUNIOR MORAES fil-45 u fil-55 minuta kienet poġġiet lill-Ukreni 2-0 minn fuq, iżda wara li MOUSSA DEMBELE naqqas id-distakk fis-70 minuta, LEO DUBOIS ġab id-draw żewġ minuti wara.
//= $special ?>