Lokali Parlament

Pensjonanti mċaħħda minn dak li hu tagħhom

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li matul dan is-sajf ltaqa’ ma’ pensjonanti jilmentaw li qed jgħixu fil-faqar. Il-frustrazzjoni tinħass, aktar u aktar meta dawn jiġu mċaħħda minn dak li hu tagħhom.

Fl-Aġġornament tal-parlament Ivan Bartolo qal li eluf ta’ pensjonanti ġew mċaħħda minn dak li hu tagħhom bi dritt u għadhom sal-lum il-ġurnata jbatu l-konsegwenza ta’ deċiżjoni li ttieħdet permezz ta’ ligi taħt l-amministrazzjoni tal-ex-Prim Ministru Duminku Mintoff fl-1979.

Din il-liġi ċċaħħad lil dawn il-pensjonanti li taw servizz lis-soċjetà Maltija taħt l-iskuża tad-deċiżjoni inġusta ta’ Mintoff li kienet tgħid li ħadd m’ għandu jieħu aktar minn pensjoni waħda, anki jekk bi dritt huma intitolati għal Pensjoni Kontributorja u l-Pensjoni tas-Servizz .

Hu qal li l-pensjoni magħrufa bħala tas-Servizz, tinkludi lil dawk li ħallew l-impjieg tagħhom mal-Gvern biex marru jaħdmu ma’ kumpaniji privati, lil dawk li kienu mħallsin mill-Gvern ingliż, simili għal ħaddiema taċ-ċivil iżda minflok kienu mħallsin mil-Gvern Ingliż. In-numru ta’ dawn il-ħaddiema kienu bl-eluf, għalhekk inqalgħet problema kbira meta l-Ingliżi telqu minn Malta. Ma’ dawn kien hemm ukoll it-tobba u professjonisti oħra li ħallew pajjiżhom u ħadmu għall-Gvern Malti.

Sadanittant l-ebda Gvern ma sab tarf ta’ kif se jsolvi is-serqa lil pensjonanti, permezz ta’ din il-liġi xejn popolari, minħabba li ħolqot diversi nġustizzji.

Hu sellem l-Assoċċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti tas-Servizz, liema assoċċjazzjoni ġiet iffurmata minn grupp ta’ pensjonanti milquta. Il-British Civil Service Association, li tħaddan fiha eluf ta’ membri, kienu nfluwenzaw lill-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien Alfred Sant biex isib rimedju dwar din il-liġi u tkun parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-elezzjoni tal-1996. Filwaqt li Alfred Sant kien fehem din il-preokkupazzjoni ta’ dawn il-pensjonanti, pero ma tantx kellu ċ-ċans jaħdem dwarha.

Kellu jkun il-Prim-Ministru Lawrence Gonzi li fehem u wettaq fil-prattika, azzjoni favur dawn il-pensjonanti misruqa sa mill-1979. Il-pensjonanti ta’ din il-kategorija setgħu jaraw għall-ewwel darba raġġ dawl, għax ta’ l-inqas feġġ l-ewwel Prim-ministru li rrikonoxxa l-karba ta’ dawn il-pensjonanti. Il-Prim Ministru beda jirrikonoxxi bil-mod il-mod lil dawn, billi tahom aġġustament ta’ LM200. Bla dubju, uħud mill-pensjonanti laħqu mietu u baqgħu b’xejn.

Anki dawk li bdew jibbenefikaw minn dan l-aġġustament, ma setgħu qatt jiġu kkompensati mill-Gvern, b’ paragun ma dak li ġa nsterqilhom. Aktar u aktar meta Malta addottat il-munita ewro fl-2005 u l-Lm200 baqgħet E200. Flok 200 lira, ingħataw 200 ewro minħabba riċessjoni fil-pajjiż. Dan ifisser li dan l-aġġustament naqas bin-nofs.

Fil-fatt b’ dikjarazzjoni riċenti mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wara li saritlu pressjoni, qal ċar u tond li jrid mal-E40 miljun biex jindirizza din l-isfida u ssir ġustizzja ma’ tant pernsjonanti.
Madwar tlett snin ilu, il-membri fi ħdan l-NASP għamlu pressjoni oħra, din id-darba fil-Parlament Ewropew ta’ Brussell, fejn talbu għall-arretrati u appellaw lill-Avukat Ġenerali u aktar tard lil Qorti Ġudizzjarju Ewropew, li lkoll kemm huma esprimew l-opinjoni tagħhom favur il-pensjonanti, liema opinjoni mibnija fuq l-istess linja tal-liġi Ewropeja.

Hu qal li dawn il-pensjonanti għadhom sal-lum jissieltu għal dak li hu tagħhom bi dritt u b’ mod ġust. Il-ġustizzja magħhom issir biss jekk jieħdu dak li hu tagħhom bl-arreatrati. Hawnhekk il-Gvern ikun qed juri bil-fatti li huwa tassew Gvern li Jisma, u li tassew għandu għal qalbu lil Pensjonanti li uħud minnhom qed iġarrbu faqar kbir. Sal-lum hemm penjosnati li kienu misruqa madwar €46,000.

B’dawn il-keded u b’ dawn l-inġustizzji ħallasnihom lil Pensjonanti li kienu ta’servizz għal pajjiżna? Bis-surplus li hawn, possibbli ma nistgħux insibu mod kif nibdew naqtgħu id-dejn ma’ dawn il-Pensjonanti? Jekk sibna tant eluf ta’ ewro f’ direct-orders lil ftit bnedmin magħrufa għal gwadann ta’ aktar minn porzjon wieħed tat-torta, possibbli ma ħsibnix f’ min bata inġustizzja minn pajjiżu stess?

Din hi l-agħar forma ta’ diskriminazzjoni li qed tiġi njorata, minn min suppost huwa ta’ eżempju. Dan minkejja li għandna Gvern li jipproġetta lilu nniffsu bħala Gvern paladin tal-Pensjonanti, sostna d-deputat Nazzjonalista.