Internazzjonali

Spanja: L-anniversarju tar-referendum Katalan imfakkar bil-ġlied f’Barċellona

Dimostranti separatisti f’Barċellona kellhom diversi konfronti mal-pulizija għal kontra l-irvellijiet, wara li eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq ta’ din il-belt u ta’ bliet oħrajn Katalani biex ifakkru l-ewwel anniversarju tar-referendum dwar l-indipendenza ta’ Katalunja mill-kumplament ta’ Spanja.

Id-dimostranti f’Barċellona kienu stmati madwar 180,000, bil-pulizija tuża l-lembubi u mezzi oħrajn biex jevitaw li dimostrazzjoni quddiem il-parlament reġjonali Katalan ‘jiżvolġi f’wieħed inkontrollabbli’.

Is-separatisti imblukkaw numru ta’ toroq f’Barċellona u Lleida waqt li okkupaw il-binarji tas-sistema tal-ferrovija għal diversi sigħat.

Dawn il-protesti ‘tal-anniversarju’ kienu organizzati mill-Kumitati għad-Difiża tar-Repubblika Katalana li qed jinsistu biex jinqatgħu għal kollox minn ma’ Spanja.

Gruppi oħrajn favur l-indipendenza Katalana organizzaw ukoll dimostrazzjonijiet fi bnadi differenti tad-dinja, inklużi fl-ibliet prinċipali ta’ Londra u Pariġi.

Il-Katalonja kienet organizzat ir-referendum storiku fl-Ewwel ta’ Ottubru tal-2017 u l-Gvern separatista preċedenti tar-reġjun kien iddikjara l-indipendenza fis-27 ta’ dak ix-xahar. Iżda l-qorti kostituzzjonali ta’ Spanja ddikjarat dan ir-referendum illegali, bil-Gvern Spanjol f’Madrid, imbagħad, jimponi l-amministrazzjoni diretta fuq il-Katalonja.

Bħal dan iż-żmien sena ilu kienu hemm ukoll ix-xeni koorh fit-toroq ta’ Barċellona fejn il-pulizija Spanjola ppruvat twaqqaf lin-nies milli jivvutaw fir-referendum għall-indipendenza tar-reġjun.