– Karol Aquilina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li d-db Group kellhom kollox lest u kienu jafu li se jingħataw permess jibnu t-torri f’Pemborke qabel l-2013.
Fl-Aġġornament Karol Aquilina qal li d-deċiżjoni tal-għoti tal-permessi lid-db għat-torri f’Pembroke hi skandaluża u kkonfermat li fil-pajjiż hawn grupp żgħir ta’ nies li għandhom il-flus u li jagħmlu li jridu bil-kompliċita sħiħa tal-gvern preżenti.
Kien il-gvern Laburista li neħħa lill-istudenti tal-ITS biex jagħti l-art lid-db għall-prezz redikolu ta’ €15-il miljun u li għamel minn kollox biex l-art tgħaddi għand id-db biex jibnu torri. Kien il-gvern li bdiddel in-nies fl-Awtorità tal-Ippjanar biex tad-db jingħataw il-permessi kif riedu d-db. L-AP tant riedu jaqdu lid-DB li għażlu li jinjoraw lill-kunsilli lokali taż-żoni inkluż Pemborke, lill-NGOs u lill-aktar minn 4,500 persuna li oġġezzjonaw mal-MEPA personalment.
Hu skandaluż li l-case officer responsabbli flok għamel xogħlu kif suppost għamel tiġbida tal-polices biex l-Awtorità jkollha kull skuża u tagħti l-peremssi lil tad-db. Flok il-membri tal-Bord waqqfu l-abbuż saru kompliċi fejn 10 mill-14-il membru għażlu li jivvutaw favur il-proġett skandaluż.
Din hi kwistjoni ta’ responsabbiltà politika.
Hu semma l-10 membri li vvutaw favur partikolarment lill-Professur Victor Axiaq li ddiżappunta lil kulħadd għaliex dan hu ċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent. Il-Professurr Axiaq waqt il-laqgħa qam jitkellem fuq il-flora u l-fawma li hemm f’Pembroke iżda ma semmiex darba jekk iċċekkjax kif il-proġett se jeffettwa lir-residenti ta’Pembroke. Kien inaċċettabbli li vot tiegħu kien favur. Dawn il-membri se jibqgħu mniżżla fl-istorja bħala l-membri li marru kontra l-interessi ta’ Pembroke u tal-pajjiż.
Dawk li jmexxu d-db Group kienu ċerti li se jingħataw il-permess tant li ilhom minn Jannar 2013 jiftaħru li se jkollhom f’idejhom l-art tal-ITS u li fuqha se jibnu lukanda ta’ ħames stitel taħt il-brand interranzzjonali tal-Hard Rock.
Huma ftaħru wkoll li kellhom kollox lest u li ftit ġimgħat wara l-elezzjoni tal-2013 huma ftaħru u wrew il-pjanti immarkati bis-sit tal-ITS bil-lukanda immarkata fuqha. Dan meta l-gvern ma kien semma xejn dwar l-ITS għaliex dan seħħ sentejn wara. Kif tad-db kienu jaf b’dak li kien se jħabbar il-gvern? staqsa Karol Aquilina, li kompla li l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali għad ma bdietx. Din għandha tingħata prijorità.
Karol Aquilina appella lir-residenti ta’ Pembroke għall-kuraġġ u lill-kunsill lokali ta’ Pembroke u tal-madwar u lill-NGOs li oġġezzjonaw. Dan mhux iż-żmien li wieħed iċedi għaliex l-isforzi kontra l-proġett għandhom jiżdiedu. Kull mezz legali għandu jintuża inkluż li jkun hemm appell mid-deċiżjoni. Jekk hemm bżonn jekk jintilef l-appell, il-każ imur quddiem il-Qorti tal-Appell biex jitwaqqaf il-proġett, sostna d-deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>