Lokali

Tiftaħ is-sena akkademika fl-Universita’ ta’ Malta u l-Junior college

Ilbieraħ fetħet is-sena akkademika fl-Universita’ ta’ Malta u fil-Junior College l-Imsida.

Eluf ta’ studenti din il-ġimgħa qed jattendu għal dik li hija magħrufa bħala ‘Freshers’ Week” fejn studenti ġodda jkollhom iċ-ċans li jorjentaw ruħhom fl-istituzzjonijiet akkademiċi fejn ikunu se jibdew l-istudji tagħhom fihom.

Kemm fuq il-kampus tal-Universita kif ukoll fil-Junior College kien hemm numru kbir ta’ stands fejn l-istudenti setgħu jiksbu informazzjoni dwar faċilitajiet eżistenti fuq il-kampus, apps li jistgħu jgħinuhom fil-ħajja studenteska, attivitajiet varji li se jittellgħu, stands tal-għaqdiet studenteski u iktar.

L-Universita’ ta’ Malta din is-sena se tkun qed tilqa’ fiha 4572 student ġdid filwaqt li 818-il student se jkunu qed jibdew l-istudji tagħhom fil-Junior College.

B’kollox se jkun hemm 11,860 student jistudjaw fl-Universita’ tul din is-sena li minnhom 7080 huma nisa filwaqt li 4780 huma rġiel.  Fosthom hemm 979 student barrani minn 113-il pajjiż differenti.

Intant, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli awgura lill-istudenti li llum u fil-ġranet li għaddew bdew sena akkademika ġdida fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla.