Edukazzjoni Lokali

Wiegħda oħra mhux imwettqa

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni reġa’ falla milli jżomm il-wegħda tiegħu li jlesti l-bini ta’ skola primarja ġdida f’Marsaskala sal-bidu ta’ din is-sena skolastika. Oriġinarjament dan il-proġett, li se jiswa 5 miljun ewro, kellu jkun lest sal-bidu tas-sena skolastika ġdida tal-2017.

Wara diversi dewmien biex jinbeda dan il-proġett, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Iskejjal t’Għada, Mario Gafà, saħaq li l-proġett kien wasal fi stajdu avvanzat u li kien se jkun sa Settembru ta’ din is-sena.

Il-ġurnal Times of Malta, żar dan il-proġett fil-jiem li għaddew u sab li l-bini ta’ din l-iskola għadu fi stadju bikri, tant li għadu sit tal-bini tal-kostruzzjoni. Partijiet mill-iskola diġà tbajdu iżda min-naħa l-oħra hemm partijiet li għadhom qas biss huma mibnija u jridu jgħaddu diversi ġimgħat u xhur biex ikunu lesti.

Diversi ġenituri li kienu ħerqana biex jibgħatu lit-tfal tagħhom f’din l-iskola ġdida, urew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li l-bini qed jieħu daqshekk fit-tul biex jitlesta. Omm ta’ żewġ itfal saħqet li huwa inaċċettabbli li wara tant wegħdiet mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li dan il-proġett se jkun lest sal-bidu ta’ din is-sena skolastika, kellha tibgħat lit-tfal tagħha fi skola oħra minħabba li dan il-proġett ma tlestiex fil-ħin.

Ix-xogħlijiet fuq din l-iskola damu sentejn biex bdew minħabba problemi fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada kif ukoll ittardjar fil-proċess ta’ dan it-tender. Din il-fondazzjoni, li hija responsabbli għall-bini ta’ skejjel ġodda, kienet imsemmija f’diversi stejjer ta’ korruzzjoni waqt il-leġislatura preċedenti, b’diversi chairmen jagħtu r-riżenja tagħhom.

Fl-aħħar tal-2016, Philip Rizzo, eks kap eżekuttiv li kien appuntat mill-Ministru Evarist Bartolo stess, ta r-riżenja tiegħu wara li kien imġiegħel mill-Ministru stess biex ma jirrappurtax lill-kanvasser tiegħu lill-awtoritajiet fuq każ ta’ korruzzjoni.

Is-sena l-oħra Edward Caruana, kanvasser ta’ Evarist Bartolo, li kien ingħata impjieg fi ħdan il-Fondazzjoni tal-Iskejjel t’Għada, kien akkużat fil-Qorti b’diversi każijiet ta’ korruzzjoni relatati ma’ xgħolijiet fuq il-bini ta’ skejjel ġodda mill-Gvern. Dan il-każ għadu pendenti. Evarist Bartolo irrifjuta li jieħu responsabbiltà politika b’insistenza li hu ħa azzjoni fil-konfront tal-kanvasser tiegħu.