Lokali

Adrian Delia dwar il-valur tal-ħajja, soċjeta’ li jimpurtaha, u l-isfidi li jaffaċċja

Intervistat minn Reno Bugeja fil-programm Dissett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar id-deċizjonijet tiegħu f’din l-ewwel sena bħala kap, il-viżjoni tiegħu għas-soċjeta’ Maltija u l-isfidi li jaffaċja bħala Kap.

Mistoqsi x’kienet l-iktar deċiżjoni mportanti tul din l-ewwel sena bħala Kap tal-Oppożizzjoni?, Adrian Delia qal li l-liġijijet li jgħaddu mill-Parlament huma dejjem deċiżjonijiet importanti u li l-aktar liġi li ħa b’certa profondita u twemmin kienet l-emendi għall-ligi tal-protezzjoni tal-embrijun fejn huwa tkellimt dwar is-salvagwardja tal-ħajja u li l-ħajja għalkemm tkun għada fil-ġuf hija dejjem ħajja.

Reno Bugeja saqsa lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-vot tal-liġi domestika, u Adrian Delia wieġeb li
kuntrarju għal kif ġiet interpretata, l-Partit Nazzjonalista ma vvutax kontra l-liġi tal-vjolenza domestika għax din ġa kienet hemm.
Hu spjega kif din kienet l-implimentazzjoni tal-Istanbul Convention li tagħti iktar protezzjoni lin-nisa.
Imma li ġara kien li filwaqt li kienet se tiżdied il-protezzjoni lin-nisa, sar dibattitu fejn tneħħiet speċifikament mil-liġi il-protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf. L-argument tal-Partit Nazzjonalista kien li jekk se ssir xi ħaġa biex tiżdied il-protezzjoni, ma kienx hemm raġuni biex titneħħa din il-parti tal-liġi.
Hu tenna li assolutament ma riedx ineħħi l-ligi tal-vjolenza domestika.

Tul l-intervista, Reno Bugeja ta mertu lil Adrian Delia għan-nommina ta’ Dr George Hyzler bħala-Kummissarju tal-Istandards. Adrian Delia qal li l-istaġnar li kien hemm sabiex jintagħżel dan il-Kummissarju kien tort tal-gvern li dam ħafna xhur biex iddeċieda dwar in-nomina li kien għadielu hu stess, u esrpima s-sodisfazzjon li nnomina li għamel hu intlaqgħat mill-gvern. Hu kompla jgħid li tajjeb li din il-pożizzjoni issa tiġi mplimentata fit-twettiq tagħha għax hija bżonnjuża biex inkunu iktar moħna mistrieħ li jibda’ t-tisħiħ tal-istituzzjionijiet f’pajjiżna.

Adrian Delia kompla jgħid li hu kien voċiefru fejn kien hemm kwestjonijet ta’ governanza bħal fil-każ tal-jet privat. Hu qal li talab risposti għall-mistoqsijiet tiegħu. Kompla jgħid li s-CEO tal-MEPA deher li ħa responsabbilta’ tad-deċiżjoni u li l-Ministru ma ħax responsabbilta’. Adrian Delia qal li għalkemm is-CEO ħa r-responsabbilta’ għax qal li kellu s-saħħa li jawtorizza l-ħlas, b’daqsekk ma weġibx il-mistoqsijiet tiegħu u li s-CEO ma jistax minn rajh jagħmel deċiżjonijet bħal din. Hu qal li l-Membri tal-Bord mhumiex impjegati tas-CEO u stqarr li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħu ma wasslu la mingħand is-CEO, la mingħand il-Ministru u lanqas mingħand il-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar l-islogan ‘Soċjeta’ li jimpurtaha’ Adrian Delia qal li jkun disservizz kbir jekk inkejlu s-soċjeta minn kemm nies imorru l-meetings u li dan huwa kejl perikoluż u disrispett għas-soċjeta meta qed nitkellmu dwar soċjeta li jimpurtaha mill-fqir, mill-vunnerabbli u mil-batut. Hu qal li dan huwa kejl ta’ popolarita’ li mhux jirrispetta propju dak li qed nippromwovu, li huwa d-dinjita’, id-deċenza, l-għixien tajjeb, l-ambjent, il-fqir u l-ħaddiem.

Adrian Delia qal li waqt il-meeting tal-Indipendenza, hu kien ta spjega ta’ kif Gorg Borg Olivier kien eleva lill-pajjiżna għal stat Indipedenti, Eddie Fenech Adami kien ta l-libertajiet li kienu essenzjali f’demokrazija, Lawrence Gonzi ta l-enerġija fl-ekonmija anke meta kien hemm id-dinja f’reċessjoni u issa l-aspirazzjoni hi li jkun Gvern Nazzjonalista ġdid li din id-darba jimxi iktar il-quddiem u jagħti lil-pajjiżna soċjeta’ li jimpurtaha.

Dwar l-immigrazzjoni Adrian Delia qal li l-valur ta’ prijorita assoluta għall-Partit Nazzjonalista hija l-ħajja ta’ kull persuna irrispettivament mill-ġens, kredu u kulur.. imma wara l-obbligu li nħarsu l-ħajja rridu nħarsu anke s-soċjeta tagħna. Irridu nħarsu liż-żgħażagħ tagħna fejn jidhol il-housing. Hu kompla jgħid li l-Prim Ministru qed jasspira li jdaħħal 70,000 ħaddiem ieħor u li dan qed jgħidu mingħajr ma hemm pjan ta fejn se joqgħodu dawn il-persuni.

Mistoqsi dwar l-isfidi li qed affaċċja Adrian Delia qal li t-tiġdid tal-Partit huwa rinaxximent u li kieku dan ma seħħx il-Partit kien jibqa fejn kien. Hu qal li għad fadal xi jsir iżda li sar progress kbir ħafna kemm bħala strutturi,fil-Partit, kemm bħala nies li qed isegwu l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bħala numru rekord ta’ tesserati ġodda f’dawn l-aħħar snin.

Hu temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li jibqa’ jaħdem u li jippreżenta lista kemm ta’ MEPs kif ukoll ta’ kandidati għall-Kunsilli lokali u li jersaq quddiem l-elettorat bl-ideat u l-enerġija tiegħu. Dan sabiex l-elettorat ikollu għażla tajba ta’ rappreżentanti fl-Unjoni Ewropea li jkunu jistgħu iqarrrbuh lejn l-Ewropa, u kandidati għall-kunsill lokali li jkunu jistgħu itejjbu l-kwalita’ tal-ħajja fil-lokal.