Edukazzjoni Lokali

Adrian Delia jiddiskuti maż-żgħażagħ l-ideat tagħhom għal Malta tal-Futur

Ġejt hawn biex inżur liż-żgħażagħ li jridu jippjanaw lil Malta tal-Futur. Hu ta’ sodisfazzjon għalija li kelli ċ-ċans naqsam magħhom l-ideat biex ikollna pajjiż aħjar.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta dar l-istands imtella’ mill-għaqdiet tal-istudenti fil-Freshers’ Week, fuq il-Kampus tal-Università.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli u mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali u Edukatur Justin Schembri, Adrian Delia ħa l-opportunità jitkellem mal-mijiet ta’ studenti preżenti u sema’ aktar dwar il-ħidma tad-diversi organizzazzjonijiet.

Miegħu kien hemm ukoll diversi Uffiċjali tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), immexxija mill-President tal-Kunsill Carla Galea.

Mal-istudenti preżenti, hu tkellem ukoll dwar l-importanza li l-qasam edukattiv dejjem irċieva minn Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor, filwaqt li sema’ aktar mingħandhom kif huma se jkunu qed jużaw dak li kisbu mis-sistema edukattiva b’risq pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta kien qed jitkellem mal-istudenti, innota s-sodisfazzjon min-naħa tagħhom li hu kien magħhom fil-post fejn tant se jkunu qed jiddedikaw sigħat biex jiżviluppaw il-ġejjieni tagħhom.

Adrian Delia tenna l-impenn tiegħu li jerġa’ jiltaqa’ mal-istudenti, anke b’mod informali, biex ikollu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ min ma rnexxielux jiltaqa’ miegħu f’din l-attività jew anke ma’ dawk li forsi ma setgħux ikellmuh fil-preżenza tal-media.