Lokali

Il-Bajja tal-Balluta tkompli tgħib

Wara biss xahrejn minn meta tlesta l-proġett ta’ riġenerazzjoni tar-ramel fil-Bajja tal-Balluta, ix-xogħol kollu li sar tista’ tgħid li tkaxkar kollu mal-mewġ. In-nefqa ta’ €110,000, fir-riġenerazzjoni ta’ din il-bajja, jidher li kienet nefqa li ma tantx tgawdiet wisq.

Id-decking u x-showers li ġew installati, il-laned għall-iskart u fuq kollox, il-parti l-kbira tar-ramel li tmien ġimgħat ilu biss ittella’ minn qiegħ il-baħar biex tikber il-Bajja tal-Balluta spiċċaw fil-baħar mal-ewwel grigalata li laqtet il-gżejjer tagħna.

Barra minhekk, kull darba li tagħmel ftit xita, inixxi ilma maħmuġ mit-triq għal fuq it-taraġ tal-Bajja u eventwalment għal fuq ir-ramel.

Dan il-proġett, li sar mill-Ministeru tat-Turiżmu, kien sar wara li suppost tlestew studji mill-Ministeru biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli l-bajja tiġi riġenerata u tinżamm f’kundizzjoni tajba. B’hekk tkun tista’ tikkwalifika għall-istatus ta’ Blue Flag bħala bajja ta’ kwalità għolja.

Madankollu, stqarrija maħruġa ġimgħatejn ilu mill-istess Ministeru mmexxi minn Konrad Mizzi, ingħad li l-bajja kienet se tingħalaq “temporanjament”.

Dan minkejja li fl-istqarrija dakinhar tal-inawgurazzjoni, il-Gvern ftaħar li dan hu post ieħor għall-għawm u li l-kunċett użat għal din il-bajja se jkun segwit f’bajjiet oħra fil-pajjiż. Dakinhar, il-Ministru Konrad Mizzi kien qal li jinsab sodisfatt b’dan il-proġett, li sewa aktar minn €100,000.

Iżda llum, b’ton differenti wara biss tmien ġimgħat, l-istqarrija tal-Gvern tgħid li issa li l-istaġun tal-għawm għadu ma ntemmx, ir-ramel kien se jiġi rilokat biex jimtlew xquq li dehru fir-ramla mal-ewwel maltempata.