Lokali

Il-Gvern jipprova jreġġa’ lura l-kisba ewlenija tal-għalliema mogħtija mill-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif il-Gvern Laburista qed jerġa’ jkażbar il-professjoni tal-għalliema meta se jneħħilhom l-istatus professjonali u l-warrant li kisbu 30 sena ilu bis-saħħa tal-Liġi tal-Edukazzjoni mgħoddija fl-1988 mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-arroganza tal-poter qed twassal lill-Partit Laburista biex jerġa’ jibda jistmerr lill-għalliema kif għamel għal ħafna snin fil-gvern meta l-Ministri Laburisti kienu jgħajru lill-għalliema u jkesksu lill-istudenti u lill-ġenituri kontrihom.

Dawk l-atti ta’ disprezz kontra l-għalliema konna nsejniehom, l-aktar bis-saħħa tal-istatus professjonali u l-warrant li ta Gvern Nazzjonalista fil-liġi rivoluzzjonarja dwar l-edukazzjoni mgħoddija fl-1988 u l-ħafna kisbiet oħrajn li għamlu l-għalliema – il-pedina tal-edukazzjoni – minn dakinhar.

Issa, il-Partit Laburista fil-gvern ressaq liġi li – kif spjegat tajjeb il-Union tal-Għalliema (MUT) – se tirtira l-warrants permanenti tal-għalliema u tagħmilhom warrants temporanji. Dan hu pass ċar lura fil-kisbiet tal-għalliema. Barra minn dan, il-kriterji għall-kisba tal-warrant huma mċajpra b’mod li jista’ jwassal għal abbuż tal-poter.

Hemm diversi punti oħrajn fil-liġi li ressaq il-Gvern Laburista li huma rigressivi u li l-Oppożizzjoni se tkun qed titkellem dwarhom fid-diskussjoni tal-liġi fil-Parlament.

Sadanittant, l-Oppożizzjoni tħeġġeġ lill-Gvern jirtira l-elementi rigressivi li daħħal fil-liġi bla konsultazzjoni ta’ xejn u, bħalma rtira meta, pereżempju, ried ineħħi l-awtonomija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, issa wkoll, anke jekk tard, jagħti widen għall-ilmenti tal-għalliema.

Waqt media briefing li ta s-Segretarju Permanenti fil-Miniseru tal-Edukazzjoni Frank Fabri, ċaħad kategorikamentli se jinbidel xi ħaġa fil-mod fil-proċess ta’ revokar jew sospensjoni ta’ warrants tal-għalliema. Hu nsista kemm-il darba tul il-konferenza li l-unika bidla se tkun li minflok li l-warrants jitqassmu mll-Ministru, issa dawn se jkunu f’idejn Kunsill ta’ Edukaturi. Hu sostna li ried iserraħ ras l-għalliema kollha li “dak li hemm illum, se jkun hemm għada”.

Frank Fabri qal li ma setax jifhem għalfejn l-għaqda tal-għallieam, l-MUT qed toħroġ tattakka dan l-abbozz meta l-istess abbozz kien ilu online mill-2016 u l-MUT qatt ma kkontestat dak li kien fih.

Mistoqsi dwar ir-responsabbilta’ l-ġdida li dan l-abbozz poġġa fuq il-kapijijet tal-iskola bħala d-detenturi tal-liċenzji tal-iskejjel, Frank Fabri qal li dan kien żball fl-abbozz u li l-kapijiet mhux se jkunu mistennija jġorru din ir-responsabbilita’.