Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea se tiftaħ proċeduri kontra l-Gvern Malti dwar il-ħasil tal-flus

L-ewwel darba li stat membru tal-UE se jkun suġġett għal dawn il-proċeduri

Fid-dawl tal-iskandli b’rabta mal-ħasil tal-flus fl-aħħar ftit snin, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tkun qed tiftaħ proċeduri kontra l-Gvern Malti biex tassigura li l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus jissaħħu. Din se tkun l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea se tiftaħ din it-tip ta’ proċedura kontra stat membru, u dan wara li l-Awtorità Bankarja Ewropea sabet numru ta’ nuqqasijiet fil-ġlieda tal-Gvern Malti kontra l-ħasil tal-flus.

F’intervista ma’ The Financial Times, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourova qalet li fil-jiem li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tippubblika nota formali li fiha titlob azzjoni mill-Gvern Malti wara li l-FIAU naqas milli jaġixxi fuq in-nuqqasijiet li sabet l-Awtorità Bankarja Ewropea. “Se naġixxu għaliex ir-rapport tal-EBA għandu proposti konkreti biex jissaħħaħ l-FIAU ta’ Malta. Is-sitwazzjoni tobbligana biex naġixxu,” qalet Jourova.

L-investigazzjoni tal-EBA, mitluba mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew l-MEP David Casa, kienet iffukata fuq il-Bank Pilatus, wara li s-sid tal-bank Ali Sadr Hashemi Nejad ġie arrestat fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. Saru akkużi wkoll li l-Bank Pilatus infetaħ minn profitti minn fuq il-kriminalità. Dwar dan, Jourova qalet “Irridu naġixxu qabel il-kriminali. Il-ħasil tal-flus għandu l-potenzjal li jeqred il-ħidma tas-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.”