Ewropa Internazzjonali

May tiddefendi l-pjan għall-Brexit u tħeġġeġ għall-għaqda

Fl-aħħar jum tal-konferenza annwali tal-Partit Konservattiv, il-Prim Ministru Theresa May iddefendiet il-pjan tagħha għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Brexit.

Hi hawn wissiet ukoll li kienet tippreferi li titlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim milli taċċetta li r-Renju Unjit jinqasam. Hi wissiet li ma kintix xewqa tagħha li l-pajjiż jispiċċa mingħajr ftehim mal-UE meta jitlaq.

Imma jekk dan iseħħ, ikun ħażin mhux biss għar-Renju Unit imma daqstant għall-UE ukoll.
May – li telgħet tiżfen ftit fuq il-palk għad-diska “Dancing Queen” tal-grupp ABBA – qalet li kienet għadha fiduċjuża li kienet se tilħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit.

Hija insistiet ukoll li ma kienx se jkunn hemm it-tieni referendum dwar il-Brexit – xi ħaġa li qed issir ħafna pressjoni fuqha biex tagħmel.

May appellat ukoll lill-membri tal-Partit Konservattiv biex jingħaqdu warajha quddiem din l-isfida. Hija wissiet lil dawk li qed jikkritikawha kontinwament li kienu qed jipperikolaw il-pjan għall-Brexit kollu.
Fi ħdan il-Partit Konservattiv hemm firda kbira rigward il-Brexit, kemm minħabba dawk li huma favur u kontra kif ukoll dawk li ma jaqblux mal-pjan li tfassal biex ikun innegozjat il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Ir-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-UE f’Marzu u s’issa m’hemmx qbil ma’ Brussell x’relazzjoni se jkun hemm la darba dan iseħħ.