Sport Waterpolo

Sliema jakkwistaw lil Jacob Sciberras

Il-klabb ta’ Sliema rnexxielu jikseb il-firma taż-żagħżugħ ta’ 18-il sena Jacob Sciberras mingħand Sirens b’kuntratt ta’ erba’ snin. Dan l-akkwist se jkompli jsaħħaħ it-tamiet tas-Slimiżi li jibnu tim li jkun lest biex jisfida għar-rebħ tal-kampjonat.

Sciberras stabilixxa ruħu bħala wieħed miż-żgħażagħ promettenti ta’ Sirens, tant li spiċċa biex sar plejer regolari ta’ Sirens fl-aħħar snin, kif ukoll mat-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ. F’kuntatt li dan is-sit għamel ma’ Jacob Sciberras, iż-żagħżugħ qal li “ninsab eċċitat li nilgħab għal klabb ġdid u ovvjament ninsab ħerqan li nilgħab mal-klabb kemm jista’ jkun malajr.”

Jacob Sciberras beda jkun mal-iskwadra ewlenija ta’ Sirens fil-Kampjonat tas-sajf tal-2015. Hu skorja l-ewwel gowls tiegħu fil-Kampjonat tas-sajf ta’ sena wara, fejn temm il-kampjonat b’ħames gowls skorjati.

Sciberras kompla jikber fil-personalità tiegħu u kompla jsib aktar post fit-tim ta’ Sirens. Fil-Kampjonat tax-xitwa tal-2017 hu sab ix-xibka disa’ darbiet u f’kampjonat tas-sajf li fih Sirens temmew fit-tielet post, Sciberras skorja 11-il gowl. Fil-Kampjonat tax-xitwa ta’ din is-sena, Jacob Sciberras skorja total ta’ 11-il gowl mill-ħames logħbiet li lagħab u skorja tmien gowls oħra fil-kampjonat ta’ din is-sena.

Il-prestazzjonijiet ta’ Sciberras ġibdu l-għajnejn tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo li saħansitra beda jsejjaħ liż-żagħżugħ mal-iskwadri proviżorji tat-tim nazzjonali filwaqt li kien plejer importanti fl-iskwadri taż-żgħażagħ. Hu fosthom skorja 11-il gowl fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena li kien sar f’pajjiżna s-sena l-oħra.