Futbol Sport

Steve Bruce jitkeċċa minn manager ta’ Aston Villa

Steve Bruce tkeċċa minn manager ta’ Aston Villa wara rebħa biss fl-aħħar 10 logħbiet. Draw ta’ 3-3 kontra Preston, li fiha ntefgħet kaboċċa fid-direzzjoni ta’ Bruce, ħalliet lil Villa bi 15-il punt minn 11-il logħba u fit-12-il post fil-klassifika.

Il-klabb ikkonferma l-aħbar tat-tneħħija ta’ Bruce, bl-erba’ assistenti tiegħu wkoll iħallu l-pożizzjoni tiegħu b’effett immedjat wara li l-kuntratt kien terminat. Fi stqarrija uffiċjali tal-klabb, Aston Villa rringrazzjaw lil Steve Bruce u lit-tim tiegħu tax-xogħol u l-impenn tagħhom. Huma qalu li l-kowċ ta’ taħt it-23 sena Kevin MacDonald se jmexxi lit-tim għal kontra Milwall is-Sibt li ġej.

Bruce ngħaqad ma’ Aston Villa f’Ottubru tal-2016 wara li l-klabb keċċa lil Roberto Di Matteo, f’dak li kien l-ewwel staġun wara r-relegazzjoni mill-Premier League. F’dak l-istaġun, Villa spiċċaw fit-13-il post u l-istaġun li għadda tilfu l-play-off kontra Fulham wara li temmew il-kampjonat fir-raba’ post.

Villa bdew l-istaġun tajjeb b’żewġ rebħiet kontra Hull u Wigan, iżda minn dakinhar kisbu rebħa, sitt draws u żewġ telfiet, filwaqt li kienu eliminati mit-tieni rawnd tal-League Cup b’telfa kontra Burton. L-eks plejer Thierry Henry, Sam Allardyce u l-kowċ ta’ Brentford Dean Smith jidhru li huma fost il-favoriti li jieħdu post Bruce.