Grupp ta’ tfal Maltin fl-aħħar ġimgħat irrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni ta’ talent u mmudellar li saret f’Thessaloniki, fil-Greċja, minn fejn irritornaw b’numru ta’ unuri.
Dan hekk kif huma ħadu sehem fil-kompetizzjoni Little Miss & Little Mister United World International Children Festival of Culture and Arts, Golden Laurel Olympiad of Performing Arts, fejn ħames tfal mill-iskola taż-żfin Wild Strength Dancers u Teen & Kids Models Malta irrapreżentaw lil Malta mad-Diretturi Nazzjonali Joann Galea Dimech u Jason Galea u quddiem Ġurija Internazzjonali.
It-tema tal-kompetizzjoni kienet Smile to the World, bit-tfal li għamlu wirja b’kostum nazzjonali, b’żifna Maltija, b’mejda b’ikel, xorb u tiżjin tradizzjonali kif ukoll qassmu souvenirs Maltin. B’hekk, f’dan il-festival kulturali, serva wkoll biex it-tfal tgħallmu iktar dwar pajjiżna u pajjiżi oħra.
Jancer Galea, ta’ 7 snin rebħet il-kategoriji kollha tat-talenti, u għall-ewwel darba ġabet lejn pajjiżna l-unur onorarju Little Miss Olympic World 2018. Rebħet ukoll midalja tad-deheb, Diploma u trofew fil-Golden Laurel Olympiad of Performing Arts. Hi ntagħżlet ukoll bħala Mini Miss United World Top Model 2018 kif ukoll l-unur tal-aqwa Social Project Diary of Kindness fejn il-video ta’ din iċ-ċkejkna mess ħafna qlub bil-messaġġ pożittiv li wasslet.
Chezonelle Georgette Azzopardi u Shaznoley Mifsud, ta’ 6 snin, kif ukoll Dana Merei ta’ 11-il sena, ukoll rebħu midalji tad-deheb, Diplomi u Trofew fill-qasam tat-talenti Golden Laurel Olympaid of Performing Arts.
Chezonelle intagħżlet bħala rebbieħa ta’ Tiny Miss United World International Talent Best Performance, waqt li Shaznoley Mifsud rebħet l-unur Tiny Miss United World International Top Model u Lujean Merei ta’ 14-il sena ngħatat Diploma fil-kategorija Teen Miss United World International Model kif ukoll ir-rikonoxximent Best National Costume.
Il-parteċipanti kollha ġew intervistati fuq il-personalità tagħhom. Fil-festival ħadu sehem 47 parteċipant minn madwar id-dinja u minn 20 pajjiż differenti. Iċ-ċerimonja kellha t-tema ‘Angel of Peace, fejn it-tfal kollha ħarġu fuq il-palk b’ilbies abjad u wasslu messaġġ pożittiv.
//= $special ?>