LUČENEC…………………… 4 VALLETTA………………….. 3
Valletta fetħu l-impenji tagħhom fir-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League fis-Slovakkja b’telfa ta’ 4-3 kontra ċ-champions Slovakki Lučenec. Fatali għat-tim Belti kienu tliet gowls li sofrew f’anqas minn erba’ minuti li wittew it-triq għat-telfa. Fattur ieħor li kien ta’ detriment għat-tim Belti hu li tlieta mill-erba’ gowls waslu minn sitwazzjonijiet wieqfa.
Kienu Valletta li fetħu l-iskor wara 15-il minuta u 44 sekonda permezz ta’ xutt ċentrali ta’ Mohammed Elamari. Lučenec ġabu d-draw żewġ minuti wara meta Attila Fehervári għadda l-ballun taħt saqajn Tornike Bukia wara li rċieva minn free-kick.
Valletta reġgħu marru minn fuq fit-tieni taqsima meta kien fis-26 minuta li Gia Nikvashvili ppersista f’azzjoni personali u qassam għan-nofs lejn Camilo Gomez li skorja b’xutt mill-ewwel. It-tim Slovakk reġa’ ġab id-draw man-nofs siegħa logħob meta din id-darba kien korner mil-lemin lejn Gustavo Steinwandter li għeleb lil Bukia b’xutt mill-ewwel mid-distanza.
Lučenec marru minn fuq żewġ minuti wara meta Attila Fehervári rċieva l-ballun minn free-kick ieħor u skorja b’xutt li kien imxellef. L-iskor sar 4-2 fl-34 minuta b’azzjoni tajba mil-lemin ta’ Ribeiro li qata’ għan-nofs lejn Juraj Kuhajdík li skorja minn qagħda ideali.
Il-kowċ Xavier Saliba għażel li juża l-flying keeper fl-aħħar minuti bit-tama li jitfa’ aktar pressjoni fuq l-avversarji. Kien 42 sekonda mit-tmiem tal-ħin effetwat li Valletta naqqsu d-distakk bi kross mil-lemin ta’ Dylan Musu lejn Gia Nikvashvili li għeleb lil Oberman, iżda ma kienx fadal ħin biżżejjed biex isalvaw il-logħba.
Valletta jilagħbu t-tieni logħba għada fit-3.30pm kontra Araz Naxvican tal-Ażerbajġan.
//= $special ?>