Williams ipposponew id-deċiżjoni li jagħżlu min se jkunu s-sewwieqa tagħhom l-istaġun li ġej, hekk kif għadhom mhux deċiżi. Sa issa hemm 15-il sewwieq minn 20 ħadu posthom l-istaġun li ġej, bi tnejn mill-ħamsa li għad fadal mhux deċiżi huma ta’ Williams.
Iżda filwaqt li Sergey Sirotkin hu mistenni li jżomm postu, Lance Stroll hu kważi ċert li jingħaqad ma’ Force India wara li missieru mexxa konsorzju biex jixtri t-tim.
F’kummenti li Claire Williams tat lil Sky Sports fl-Ingilterra, qalet li bħalissa għaddejjin minn proċess ta’ evalwazzjoni intensiva u jridu jieħdu deċiżjonijiet tajbin għas-sena d-dieħla.
George Russell li bħalissa jinsab fuq quddiem fil-kampjonat tal-GP2 jinsab b’kuntratt ma’ Mercedes, iżda qed jissemma ma’ Williams, filwaqt li Esteban Ocon li probabbilment ikun mibdul minn Stroll, ikkonferma l-ġimgħa l-oħra fir-Russja li kellu diskussjonijiet ma’ Williams.
“Għandna numru ta’ sewwieqa fil-lista tagħna iżda ma rridx ngħid min huma. Hemm ħafna opportunitajiet. Ma kinitx is-sena li xtaqna, imma għaddej ħafna xogħol biex nassiguraw li aħna tim ta’ ċertu livell għas-sena d-dieħla,” qalet Williams.
Williams kellhom staġun diżappuntanti hekk kif jinsabu l-aħħar fil-Klassifika tal-Kostrutturi, riżultat kompletament differenti minn meta ddominaw l-isport fis-snin 80 jew saħansitra fl-2015 meta kienu spiċċaw it-tielet wara Mercedes u l-Ferrari.
//= $special ?>