Internazzjonali

Żbroff ta’ vulkan iżid mal-problemi fl-Indoneżja

L-iżbroff tal-vulkan Soputan.

Hekk kif l-awtoritajiet Indoneżjani qed jippruvaw isibu tarf il-ħerba li hemm fil-gżira ta’ Sulawesi, fl-istess ġżira issa hemm allert minħabba żbroff ta’ vulkan f’parti oħra tal-gżira. Żbroff li wassal għall-evakwazzjoni tal-popolazzjoni għal zona ta’ madwar sitt kilometri madwar il-vulkan Soputan.

Il-vulkan jinsab madwar 1,000 kilometru minn Palu, il-belt li ntlaqtet l-agħar mit-terremot u t-tsunami tal-ġimgħa li għaddiet. Diżastru naturali doppju li ħalla aktar minn 1,400 persuna mejta.

Sadattant bdiet tasal l-ewwel għajnuna fiz-zoni l-milquta, imma hemm problema kbira ta’ loġistika. Dan peress li l-ajruport ewlieni taz-zona sofra ħsara kbira u t-toroq ewlenin huma mblukkati mit-terrapien li qanqal it-terremot.