Wara d-draw kontra Red Star Belgrade, Napoli rnexxielhom jiksbu l-ewwel rebħa meta għelbu lil Liverpool 1-0 b’gowl lejn it-tmiem. Kien proprju LORENZO INSIGNE li xeħet għal ġewwa mill-viċin wara li rċieva kross mil-lemin ta’ Josè Callejon.
Inter kisbu t-tieni rebħa fi Grupp B meta għelbu 2-1 lil PSV fil-Philips Stadium, biex b’hekk l-erba’ timijiet Taljan fiċ-Champions League rebħu din il-ġimgħa. PSV fetħu l-iskor fis-27 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ PABLO ROSARIO li ħalla lil Samir Handanovic iħares.
Inter ġabu d-draw eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta x-xutt ta’ Mauro Icardi ġie mblukkat, bil-ballun jispiċċa għand RADJA NAINGGOLAN li għeleb lil Jeroen Zoet b’xutt mill-ewwel. It-tim ta’ Spalletti skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa mas-siegħa logħob meta MAURO ICARDI rċieva ballun fit-tul, ħabbat lil Zoet u lil Daniel Schwaab ma’ xulxin qabel xeħet f’xibka vojta.
Mill-istess grupp, Barcelona wkoll kisbu t-tieni rebħa wara li għelbu lil Tottenham 4-2 f’Wembley Stadium. Barcelona kellhom bidu mill-aqwa hekk kif fetħu l-iskor wara żewġ minuti meta Lionel Messi antiċipa l-ħarġa ta’ Hugo Lloris u qassam lejn PHILIPPE COUTINHO li skorja f’lasta kważi vojta. L-iskor sar 2-0 fit-28 minuta bi ġmiel ta’ gowl minn barra l-kaxxa ta’ IVAN RAKITIC.
HARRY KANE naqqas id-distakk għal Tottenham fit-52 minuta b’azzjoni personali, iżda LIONEL MESSI għamilhom 3-1 erba’ minuti wara. ERIK LAMELA ħalla lil Tottenham jittamaw fis-66 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li kien imxellef. Iżda reġa’ kien LIONEL MESSI li għalaq il-logħba fid-90 minuta.
Minn Grupp Ċ, Paris Saint Germain kisbu l-ewwel punti b’rebħa faċli ta’ 6-1 fuq Red Star Belgrade. Il-logħba kienet magħluqa fl-ewwel taqsima, hekk kif NEYMAR skorja darbtejn fl-20 u fit-22 minuta, EDINSON CAVANI għamilhom 3-0 fis-37 minuta u ħames minuti wara, ANGEL DI MARIA skorja r-raba’ gowl.
KYLIAN MBAPPE żied il-vantaġġ mill-viċin fis-70 minuta, b’MARKO MARIN inaqqas id-distakk għal Red Star Belgrade erba’ minuti wara. NEYMAR għaqqad it-tripletta personali fil-81 minuta bi free-kick dirett.
Atletico Madrid għelbu lil Club Brugge 3-1. ANTOINE GRIEZMANN poġġa lil Atletico Madrid darbtejn minn fuq fit-28 u fis-67 minuta, wara li ARNAUT GROENEVELD kien ġab id-draw momentarju fid-39 minuta. KOKE għalaq il-logħba lejn it-tmiem.
Mill-istess grupp, Borussia Dortmund rebħu 3-0 kontra Monaco. JACOB LARSEN fetaħ l-iskor fil-51 minuta u wara li FRANCISCO ALCACER falla penalty fid-69 minuta, l-istess plejer għamilhom 2-0 tliet minuti wara, biex MARCO REUS ssiġilla r-rebħa fid-90 minuta.
//= $special ?>