Quddiem l-Awtorità tad-Djar jirriżulta li hemm 3840 talba għall-akkomodazzjoni soċjali.
Dan intqal mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon meta wieġeb mistoqsija parlamentari tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali, Ivan Bartolo.
Huwa staqsa kemm hemm talbiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali quddiem l-Awtorità tad-Djar u jagħti l-informazzjoni skont il-lokalità li minnhom ġejjin l-applikanti. Hu staqsa wkoll kemm minn dawn it-talbiet huma għall-ewwel dar tagħhom u kemm minnhom qed jitolbu li jbiddlu l-post għal post ieħor għal xi raġuni jew oħra.
Il-Ministru Michael Falzon qal li sal-lum, l-Awtorità tad-Djar għandha 3291 talba pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali. Hemm ukoll 549 talba oħra biex l-inkwilini ibiddlu l-post tagħhom ma’ post ieħor.
Intant, il-Ministru Falzon naqas milli jwieġeb kemm-il allokazzjoni saret xahar b’xahar mill-Awtorità tad-Djar bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017, liema tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
//= $special ?>
