Edukazzjoni Lokali

FILMAT: Il-Gvern ikompli jinjora lill-għalliema

“Rispett bil-fatti mhux bil-kliem”

Tissokta l-kontroverzja u l-inċertezza bejn il-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-MUT u l-edukaturi. Dan fid-dawl tal-istrajk tat-Tnejn li ġej li tħabbar l-Erbgħa filgħaxija.

NetNews ħa l-kumment tal-President tal-MUT Marco Bonnici fejn spjegalna għaliex sejħu l-istrajk Nazzjonali tat-Tnejn. Huwa qal li l-fatti huma ċari ħafna, li l-interpretazzjoni hija ċara, li din l-l-liġi l-ġdida hija ta’ theddida . F’laqgħa li saret l-Erbgħa filgħaxija bejn l-għalliema huwa qal li kien hemm bosta punti li tqajmu li huma ta’ dubju u qed ikunu ta’ inċertezza. Huwa saħaq li hekk kif il-Ministeru se tkompli għaddejja kif inhi għaddejja, mela m’hemmx triq oħra ħlief li t-Tnejn li ġej l-edukaturi jwettqu strajk.

Intant aħna ħadna wkoll il-kummenti ta’ Joseph Muscat bil-Prim Ministru jgiddeb lill-MUT dwar il-warrants u jgħid l-union li qed tagħmel miżinterpretazzjoni tal-Att il-ġdid. Dan il-kliem inqtal mill-Prim Ministru Joseph Muscat meta ilbieraħ filgħodu kien pressat mill-ġurnalisti, fejn giddeb lill-MUT dwar jekk hux se jispiċċaw il-warrants tagħhom jew japplikaw għalihom kull sena.

Intant din il-kamra tal-aħbarjiet ħadet il-kummenti ta’ Marco Bonnici dwar dan fejn qal li l-fatti huma ċari, fejn huwa wkoll ikkontradixxa mhux biss dak li qal Muscat, iżda wkoll l-istqarrija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Huwa li l-Gvern s’issa qatt ma qal li ħa jkun qed jikkanċella dak li kiteb, anzi pjutost l-oppost.

“Il-Gvern qed jgħid li ħa jispjegalna, aħna mhux spjegazzjoni rridu, aħna nafu xi nkiteb… dak li hemmm miktub ma jridx jibqa’ hemmhekk”

Huwa qal li huma jinsabu urtati li Gvern qed jgħaddi lill-għalliema biż-żmien. Bonnici qal li l-liġi ġa tinstab fit-tieni qari, u li kieku ma ndunawx, din kienet se tiġi quddiem wiċċhom mingħajr ħadd ma jkun jaf.

Hemm inċertezza fuq il-‘warrants’ tal-edukaturi – il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università.

B’reazzjoni għal dan kollu l-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta qalet hemm inċertezza fuq il-‘warrants’ tal-edukaturi u kompliet fuq dak li qatel l-MUT u kif ukoll fuq l-appoġġ li l-Forum Unions Maltin qed jagħti lill-MUT.

Fl-istess stqarrija l-Fakultà qalet li l-att tal-edukazzjoni propost jirrikjedi aktar ħsieb biex u għandu jpoġġi lill-għalliema u l-edukaturi fiċ-ċentru tal-istess att. Fil-preżent, kif propost dan jista’ jwassal għal ċentralizzazzjoni eċċessiva tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għal sitwazzjoni fejn l-ilħna ta’ edukaturi u studenti ma jingħatawx l-ispazju li jixirqilhom. L-istituzzjonijiet li se jirregolaw dan l-Att, inkluż il-Kunsill għall-Professjoni tat-Tagħlim, jeħtieġu rappreżentazzjoni aħjar fil-kompożizzjoni tagħhom u proċess trasparenti fir-rigward tal-mod li bih jintagħżlu l-membri. Għandu jiġi aċċertat ukoll li dawn kollha għandhom il-kompetenza meħtieġa għar-rwol assenjat lilhom.

Il-Fakultà kompliet li din l-inċertezza se toħloq implikazzjonijiet negattivi, li jistgħu jdgħajfu l-edukazzjoni u kif ukoll l-impenn tal-għalliema u, b’mod aktar serju, il-professjoni kollha. Barra minn hekk, il-Fakultà innutat li l-Att propost għandu jagħti aktar prominenza lill-iżvilupp u l-aġġornament tal-edukazzjoni tal-għalliema, kif ġie miftiehem reċentement f’kuntatt mal-partijiet interessati.

L-Edukazzjoni f’pajjiżna tinsab taħt theddida.

Il-Ħamis filgħodu stess fuq Twitter il-Kap tal-PN Adrian Delia qal illi lejlet il-Jum Internazzjonali tal-Għalliema, il-Gvern aktar moħħu biex jimmina l-professjoni tal-edukaturi. Dan huwa inkwetanti mhux biss għall-edukaturi iżda wkoll għall-edukazzjoni ta’ uliedna.

Fl-istess reazzjoni għal dan Marco Bonnici sostna li dawn l-emendi fl-att se jieħduna lura għal qabel l-att tal-1988, l-att tal-1988 li kien sar minn Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, fejn l-għalliema u l-edukaturi kien kisbu l-professjonalità tal-impjieg tagħhom, b’dawn l-emendi dan kollu se jintilef.

Il-Ġimgħa għal jum ta’ luttu, il-membri tal-Union ġew mħeġġa jilbsu xi ħaġa sewda u jibdlu l-profili tagħhom fuq il-midja soċjali għal ritratt provdut mill-istess Union, dan biex ikompli juri it-theddida li tinsab fiha l-professjoni tal-għalliema u l-edukaturi. Din mill-bieraħ filgħaxija ġa bdiet tiġi fis-seħħ hekk kif ġa uħud bdew jbiddlu l-profili tagħhom fuq Facebook, bil-kampanja tkompli llum.

Il-Union of Profesional Educators – Voice of the Workers stqarret ukoll l-Erbgħa li se tkun qed tappoġġja lill-MUT fl-azzjonijiet li ordnat fosthom l-istrajk ta’ ġurnata nhar it-Tnejn. L-UPE ħeġġet lill-membri tagħha u l-membri prospoettivi sabiex isegwu d-direttivi u kif ukoll hi ukoll qed tmexxi kampanja fuq il-midja soċjali.

Kundanna mill-Partit Nazzjonalista

Intant l-Erbgaħa il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-mod kif il-Gvern Laburista qed jerġa’ jkażbar il-professjoni tal-għalliema meta se jneħħilhom l-istatus professjonali u l-warrant li kisbu 30 sena ilu bis-saħħa tal-Liġi tal-Edukazzjoni mgħoddija fl-1988 mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-arroganza tal-poter qed twassal lill-Partit Laburista biex jerġa’ jibda jistmerr lill-għalliema kif għamel għal ħafna snin fil-gvern meta l-Ministri Laburisti kienu jgħajru lill-għalliema u jkesksu lill-istudenti u lill-ġenituri kontrihom.

Dawk l-atti ta’ disprezz kontra l-għalliema konna nsejniehom, l-aktar bis-saħħa tal-istatus professjonali u l-warrant li ta Gvern Nazzjonalista fil-liġi rivoluzzjonarja dwar l-edukazzjoni mgħoddija fl-1988 u l-ħafna kisbiet oħrajn li għamlu l-għalliema – il-pedina tal-edukazzjoni – minn dakinhar sal-lum il-ġurnata.

Evarist Bartolo iħassar żjara fil-Junior College