Futbol Sport

Gareth Southgate: Il-manager tal-Ingilterra jiffirma kuntratt ġdid sal-2022

Il-manager tal-Ingilterra, Gareth Southgate, iffirma kuntratt ġdid li bih għandu jibqa’ fit-tmun tat-tim nazzjonali Ingliż sat-Tazza tad-Dinja tal-2022, li se ssir fil-Qatar.

Il-kuntratt preċedenti ta’ Southgate kien intiż li jiskadi wara l-Ewro 2020 iżda hu, issa, intrabat mal-iskwadra nazzjonali għal aktar żmien u għal salarju ta’ tliet miljun Sterlina fis-sena.

Gareth Southgate, is-sajf li għadda, mexxa lill-Ingilterra sas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja fejn l-Ingliżi sfaw eliminati minn Kroazja fil-ħin barrani.

Fl-ewwel kummenti wara li ffirma l-kuntratt ġdid, Southgate esprima sodisfazzjon għall-opportunità biex imexxi lit-tim nazzjonali Ingliż fiż-żewġ tournaments kbar li jmiss. Hu qal li għandu tamiet kbar fl-iskwadra,magħmulha fil-parti kbira minn plejers żgħażagħ, waqt li fisser ir-responsabbiltà tiegħu bħala ‘privileġġ u unur’. L-assistent ta’ Southgate, Steve Holland, ukoll qabel dwar kuntratt ġdid li (anki) jibqa’ effettiv sal-2022.

Gareth Southgate, li bħala plejer lagħab ma’ Crystal Palace, Aston Villa u Middlesbrough, laħaq manager tal-Ingilterra minflok Sam Allardyce, f’Settembru tal-2016.

Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-FA Ingliża, Martin Glenn, qal li l-FA dejjem kienet qed taħseb biex iżżid il-kuntratt ta’ Southgate ‘bħala priorità’. Glenn faħħar lil Gareth Southgate għall-wirjiet tal-Ingilterra fit-Tazza tad-Dinja ‘u talli (Southgate) reġa qawwa qalb il-partitarji li l-Ingilterra tista’ tinsisti mill-ġdid għall-unuri fuq livell kompetittiv’.

Martin Glenn kompla li l-Ingilterra għandha ambizzjonijiet kbar biex tirbaħ l-aqwa unuri u li kulħadd – mill-partitarji sal-istampa u l-amministraturi tal-logħba — jista’ jara u jħoss il-progress li sar fit-tim nazzjonali Ingliż