Fi stqarrija l-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta qalet li hemm l-inċertezza fuq il-‘warrants’ tal-edukaturi u din hija preokupanti għall-impjieg ta’ bosta edukaturi li ilhom iwettqu dan ix-xogħol żmien u għomor.
L-att tal-edukazzjoni propost jirrikjedi aktar ħsieb biex u għandu jpoġġi lill-għalliema u l-edukaturi fiċ-ċentru tal-istess att. Fil-preżent, kif propost dan jista’ jwassal għal ċentralizzazzjoni eċċessiva tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għal sitwazzjoni fejn l-ilħna ta’ edukaturi u studenti ma jingħatawx l-ispazju li jixirqilhom. L-istituzzjonijiet li se jirregolaw dan l-Att, inkluż il-Kunsill għall-Professjoni tat-Tagħlim, jeħtieġu rappreżentazzjoni aħjar fil-kompożizzjoni tagħhom u proċess trasparenti fir-rigward tal-mod li bih jintagħżlu l-membri. Għandu jiġi aċċertat ukoll li dawn kollha għandhom il-kompetenza meħtieġa għar-rwol assenjat lilhom.
Il-Fakultà kompliet li din l-inċertezza se toħloq implikazzjonijiet negattivi, li jistgħu jdgħajfu l-edukazzjoni u kif ukoll l-impenn tal-għalliema u, b’mod aktar serju, il-professjoni kollha. Barra minn hekk, il-Fakultà innutat li l-Att propost għandu jagħti aktar prominenza lill-iżvilupp u l-aġġornament tal-edukazzjoni tal-għalliema, kif ġie miftiehem reċentement f’kuntatt mal-partijiet interessati.
“L-att tal-edukazzjoni propost jirrikjedi aktar ħsieb biex u għandu jpoġġi lill-għalliema u l-edukaturi fiċ-ċentru”.
Intant fl-att m’hemm l-ebda referenza għall-kwalifiki minimi meħtieġa biex persuna jkun jista’ jikkwalifika bħala għalliem u kif ukoll hemm inċertezza fuq il-mekkaniżmi proposti biex jirregolaw dan.
Bħala istituzzjoni ewlenija tal-edukazzjoni tal-għalliema fil-pajjiż, il-Fakultà tal-Edukazzjoni titlob li l-fehmiet tagħha jiġu rispettati kif xieraq, u jġedded ir-rieda tiegħu li jikkollabora mal-partijiet kollha konċernati.
L-istess Fakultà intant ħadet l-okkażjoni biex tfakkar dak kollu li l-5 ta’ Ottubru jirrapreżenta, ‘il-Jum Dinji tal-Għalliema’, ċelebrazzjoni tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-għalliema bħala professjonisti. Hija indikat ukoll l-importanza ta’ standards għoljin għall-preparazzjoni inizjali tagħhom kif ukoll il-possibbiltajiet għal aktar edukazzjoni, reklutaġġ, impjieg, u kondizzjonijiet ta’ tagħlim. IL-Fakultà saħqet li dawn huma l-aspetti kollha li għandhom jiġu salvagwardjati mill-Att dwar l-Edukazzjoni u mill-politika kollha relatata mal-professjonijiet fl-edukazzjoni u kif ukoll mat-tagħlim f’pajjiżna.
//= $special ?>