Sport Sport Ieħor

IBBURDJAR: Introdott league ġdid globali bl-isem SailGP

Timijiet mill-Istati Uniti, l-Awstralja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġappun u ċ-Ċina se jikkompetu f’league ġdid tal-ibburdjar – fuq bażi globali – li jismu SailGP u fejn għandhom jisfidaw lil xulxin għal premju ekwivalenti għal miljun dollaru.

L-avveniment, li jibda fi Frar, se jkollu programm ta’ ħames grand prix fejn sitt timijiet nazzjonali jikkompetu bid-dgħajjes catamaran identiċi (tal-F50) li jaħdmu bil-qlugħ.
It-tlielaq se jsiru f’Sydney, San Francisco, New York, Cowes (fuq il-Gżira ta’ Wight) u Marsilja.

Il-kunċett kien introdott minn Larry Ellison f’Tower Bridge, f’Londra. Ellison kien il-bniedem strumentali għall-aħħar żewġ suċċessi tal-Oracle Team fl-America’s Cup u, waqt diskors f’Londra, irrefera għal SailGP bħala ‘l-evoluzzjoni tal-ibburdjar’.

Il-catamarans li se jieħdu sehem fis-SailGP kapaċi jilħqu veloċità ta’ 60 mil fis-siegħa ( jew 50 knot). Huma jinkorporaw teknoloġija ‘identika u inkredibbli’ u għaldaqstant mistennija sensiela ta’ tiġrijiet mill-aktar kompetittivi bejn it-tims nazzjonali. L-avveniment qed joffri wkoll opportunità ġdida għall-baħrin bit-talent li jridu jirrappreżentaw pajjiżhom fuq livell għoli ta’ dan l-isport.

Is-SailGP hu sanzjonat mill-World Sailing u l-aħħar tellieqa fil-programm – ta’ Marsilja – tħoll u torbot għal min, fost l-aqwa żewġ tims, għandu jirbaħ il-premju ta’ miljun dollaru, fuq sistema ta’ ‘winner-takes-all’. L-ewwel tellieqa fil-programm ( f’Sydney) se ssir bejn il-15 u t-18 ta’ Frar.