Il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx it-talba li tnaqqas il-piena lil raġel li qatel mara b’doża qawwija ta’ droga.
Il-każ imur lura għal lejl f’Ottubru tal-1999, meta Joseph Azzopardi kien akkumpanja lil ċertu Therese Agius fil-Gżira għal skop ta’ prostituzzjoni.
Huwa kien akkużat li njettalha doża qawwija ta’ eroina bl-iskop li joqtolha, kif ukoll li ttraffika l-istess droga. Wara li qatilha, kien tefa’ l-katavru fil-baħar.
Seba’ snin ilu kien sar ġuri illi sab lil Azzopardi ħati bi tmien voti kontra wieħed, u kien ikkundannat 29 sena ħabs.
Joseph Azzopardi appella mis-sentenza għax sostna li ma kienx ingħata smigħ xieraq minħabba proċeduri li qal ma ġewx osservati sew. Il-Qorti tal-Appell iżda evalwat dan l-ilment u ma qablitx miegħu.
Dwar il-piena, il-Qorti tal-Appell ma qisitx li l-piena kienet waħda eċċessiva meta wieħed jikkunsidra li qtil volontarju jġorr miegħu piena ta’ għomor il-ħabs. Il-piena ta’ 29 sena ħabs kienet għalhekk konfermata fl-appell.
Il-Qorti tal-Appell kienet ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Edwina Grima.



